L-Appoġġ liż-Żgħażagħ bil-Fondi tal-UE

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Ħafna nies spiss jirreferu għaż-żgħażagħ bħala l-‘mexxejja tal-futur’. Iżda fid-dinja tal-lum, iż-żgħażagħ iktar qegħdin juru li huma l-mexxejja tal-lum, bil-bidliet li huma wkoll kapaċi jġibu. Bix-xewqa li jingħaqdu, jitgħallmu u jagħmlu d-differenza, aktar żgħażagħ qegħdin jfittxu li jagħmlu esperjenzi f’Malta u madwar l-Ewropa li jagħtuhom l-opportunità li jikbru, jiltaqgħu ma’ nies b’ideat differenti u jħallu impatt fuq id-dinja ta’ madwarhom.

L-Unjoni Ewropea (UE) tirrikonoxxi l-importanza li jingħata l-appoġġ liż-żgħażagħ sabiex jilħqu l-potenzjal tagħhom u jimpenjaw ruħhom biex jibnu l-futur tagħhom u dak tal-Ewropa. Għal dawn l-aħħar kważi 40 sena, permezz ta’ diversi programmi ta’ fondi Ewropej bħall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, miljuni ta’ żgħażagħ Ewropej kellhom l-opportunità li jipparteċipaw fi skambji, proġetti ta’ volontarjat u inizjattivi biex iwettqu proġetti fil-komunità tagħhom.

L-Erasmus+ huwa l-programm ewlenin ta’ fondi Ewropej li jinvesti b’mod dirett fiż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-isport. L-għan ewlieni tal-Erasmus+ huwa li jappoġġja liż-żgħażagħ biex ikunu ċittadini aktar attivi, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ żgħażagħ oħra Ewropej, kif ukoll jiksbu u jiżviluppaw kompetenzi għall-ħajja u l-futur professjonali tagħhom. L-Erasmus+ jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ biex mhux biss jipparteċipaw fi skambji ma’ żgħażagħ oħra, iżda jkunu huma li jieħdu r-responsabbiltà li jorganizzaw dawn l-iskambji. L-għan ta’ dawn l-inizjattivi huwa li jqajmu element ta’ diskussjoni, skambji ta’ ideat u kulturi f’ambjent informali, lil hinn mill-edukazzjoni formali.

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa programm ta’ fondi Ewropej li jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ jagħmlu esperjenza ta’ volontarjat barra minn Malta jew iwettqu proġetti ta’ solidarjetà fil-komunità. Dawn il-proġetti ta’ solidarjetà jittrattaw temi differenti bħall- inklużjoni, id-diversità u t-tibdil fil-klima, li lkoll huma temi relevanti għall-komunità. Dan il-programm ta’ fondi huwa aktar flessibbli minn oħrajn u għaldaqstant jippermetti liż-żgħażagħ ikunu innovattivi u joħolqu attivitajiet li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-komunità b’mod kreattiv.

 Lokalment, aktar u aktar żgħażagħ qed jużaw il-fondi Ewropej sabiex jisfruttaw opportunitajiet lil hinn minn Malta u biex iġibu l-bidla f’Malta u Għawdex.

Bħala Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) – l-aġenzija tal-gvern li tiffaċilita l-proċess tal-applikazzjoni għall-fondi Ewropej - assistejna diversi gruppi ta’ żgħażagħ u għaqdiet volontarji biex jibbenefikaw minn fondi Ewropej għal skambji jew proġetti ta’ solidarjetà. Is-servizz tagħna huwa bla ħlas u jinkludi kemm assistenza biex iż-żgħażagħ jiżviluppaw l-ideat tagħhom fi proġett u anke assistenza teknika biex jissottomettu applikazzjoni kompetittiva. Is-servizz tagħna ma jiqafx hemm, hekk kif inkomplu nassistu liż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni tal-proġett wara li l-applikazzjoni tkun ta’ suċċess.

Matul is-snin SEM assistiet diversi għaqdiet biex jibbenefikaw minn fondi taħt il-programm Erasmus+ għal skambji taż-żgħażagħ, fosthom Frame Football Malta. Permezz tal-assistenza ta’ SEM, Frame Football Malta wettqu tliet skambji taż-żagħżagħ, li saru fl-Italja u f’Malta. Huma ġabu flimkien aktar minn 100 żagħżugħ u żagħżugħa, ħafna minnhom b’diżabilità fiżika. Permezz ta’ dawn il-proġetti, il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ nies minn pajjiż ieħor Ewropew, isiru aktar kunfidenti, itejbu l-ħiliet tagħhom fl-isport permezz ta’ sessjonijiet prattiċi, jitgħallmu kif jilagħbu l-futbol f’tim b’ħiliet differenti, u jitgħallmu aħjar kif jaħdmu flimkien.

SEM ukoll assistiet diversi għaqdiet jibbenefikaw minn fondi taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà biex iwettqu proġetti innovattivi lokalment, bħal ‘Coffee with Us’ mill-Malta Down Syndrome Association. Dan il-proġett, li tlesta aktar kmieni din is-sena kellu l-għan li titnaqqas l-istigma soċjali lejn persuni bid-Down Syndrome billi waqqfu kafetterija mmexxija minn żgħażagħ bid-Down Syndrome. Bejn Ottobru u Frar, darba fix-xhar, grupp ta’ żgħażagħ bid-Down Syndrome mexxew il-kafetterija u l-pubbliku kien mistieden jattendi. Din kienet opportunità biex iż-żgħażagħ jiksbu esperjenza ta’ xogħol kif ukoll biex titqajjem kuxjenza u għarfien mal-pubbliku dwar kif nies bi bżonnijiet speċjali jistgħu wkoll jiksbu l-ħiliet u jkunu indipendenti. Dan il-proġett kien ta’ suċċess u ntlaqa’ tajjeb mill-pubbliku u miż-żgħażagħ li pparteċipaw fih.

Jekk inti parti minn grupp ta’ żgħażagħ jew għaqda volontarja interessati torganizzaw skambji għaż-żgħażagħ Maltin flimkien ma’ għaqdiet oħrajn Ewropej, jew biex timplimentaw proġett ta’ solidarjetà, bħalissa l-applikazzjonijiet taħt l-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huma miftuħa sas-7 ta’ Mejju, 2024. Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lil SEM fuq info.sem@gov.mt jew billi żżur il-website sem.gov.mt biex tara kif nistgħu nassistuk.