NextGenerationEU – Inizjattivi tal-UE għall-irkupru mill-pandemija

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, Servizzi Ewropej f’Malta – SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Fit-23 ta’ April tas-sena l-oħra, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea (UE) ddeċidew li jfasslu pjanijiet konkreti biex l-UE ttaffi l-effetti tal-kriżi li ħolqot il-pandemija tal-COVID-19. Minn dakinhar tfasslu numru ta’ inizjattivi għall-irkupru ekonomiku u soċjali tal-UE fi sforz konġunt u fuq livell ta’ UE.

Xahar wara, fis-27 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposti ta’ rkupru, f’pakkett li ġie msejjaħ Next Generation EU u li jammonta għal €750 biljun. Flimkien mal-pakkett ta’ rkupru, il-mexxejja tal-UE qablu li l-baġit fit-tul  tal-UE għall-2021-2027 li jammonta għal €1,074.3 biljun, jindirizza wkoll it-tkabbir ekonomiku meħtieġ minħabba l-pandemija. Flimkien, dawn iż-żewġ pakketti huma maħsuba biex mhux biss jagħtu imbuttatura lill-ekonomija Ewropea biex tirkupra u tkun reżiljenti għal sfidi kbar bħall-pandemija, imma wkoll jaħsbu fit-tul ta’ snin għal tkabbir sostenibbli b’investiment fit-tranżizzjoni diġitali u dik ambjentali.

Barra dawn iż-żewġ pakketti, l-UE qablet ukoll fuq €540 biljun ta’ fondi, permezz ta’ tliet strumenti finanzjarji, li bdew jitħaddmu f’Ġunju tas-sena l-oħra biex jintużaw mill-Istati Membri fis-setturi l-aktar affettwati, u li ġabu żidiet qawwija fin-nefqa pubblika minħabba l-pandemija biex jiġu megħjuna l-ħaddiema u n-negozji. Wieħed minn dawn l-istrumenti finanzjarji issejjaħ SURE u minn dawn il-fondi, Malta se tkun qed tieħu €420 miljun.

B’hekk nistgħu ngħidu li l-pakkett għall-irkupru globali tal-UE jammonta għal €2,364.3 biljun.

Fejn jidħol in-NextGenerationEU, bħalissa għaddej il-proċess li fih qegħdin isiru t-talbiet mill-Istati Membri biex jibbenefikaw mill-fondi tal-pakkett Next GenerationEU. Dawn jiġu ppreżentati f’forma ta’ pjanijiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar kif se jużaw il-fondi tal-UE taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li huwa strument finanzjarju fil-qalba ta’ Next Generation EU, u li jipprovdi €672.5 biljun f’appoġġ lill-Istati Membri biex jgħinhom jindirizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19.

In-NextGenerationEU jinkludi fih dawn is-seba’ programmi li ġejjin:  Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – €672.5 biljun (90% tal-fondi ta’ NextGenerationEU); ReactEU – €47.5 biljun (għall-politika reġjonali u ta’ koeżjoni); Horizon Europe (għar-riċerka u l-innovazzjoni) – €5 biljun; InvestEU (innovazzjoni u ħolqien tal-impjiegi) – €5.6 biljun; Żvilupp Rurali – €7.5 biljun; Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (wieħed mill-pilastri li jiffinanzjaw il-Green Deal – €10 biljun; RescEU (għallprotezzjoni ċivili fl-Ewropa) – €1.9 biljun.

Permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, Malta se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha mat-€320 miljun, li se jintużaw biex jintlaħqu l-miri ambjentali u dawk għat-tranżizzjoni diġitali bħala ż-żewġ pilastri ewlenin ta’ prijorità għas-snin li ġejjin. B’hekk, dawn il-fondi ma jintużawx biss biex bħal Stati Membri oħra, Malta tirkupra mill-pandemija, imma jiżvolġu f’investimenti fit-tul li jtejbu l-kwalità tal-ħajja, fosthom f’enerġija aktar nadifa, is-saħħa, l-edukazzjoni vokazzjonali u diġitali, u t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali tal-pajjiż.

Il-flus tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ġejjin minn fondi missellfa mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Istati Membri b’rati vantaġġjużi u b’terminu li jintraddu sal-2058.

L-inizjattivi li ħadet l-UE sa minn meta faqqgħet il-pandemija, huma xhieda ta’ kemm sfidi kbar u li jolqtu lill-pajjiżi kollha jinħtieġu sforzi kollettivi. Fi kliem il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, il-ħsieb wara dawn l-isforzi u wara l-għanijiet tal-irkupru jinġabru fi tliet kelmiet, ‘konverġenza, reżiljenza u trasformazzjoni’, li b’mod konkret ifissru li d-daqqa tal-COVID-19 u r-riperkussjonijiet tagħha jistgħu jiġu rimedjati, l-ekonomiji riformati u s-soċjetajiet jiġu msawra mill-ġdid.