Niċċelebraw Jum l-Ewropa - Jum ta’ Għaqda

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Jum l-Ewropa, iċċelebrat kull sena fid-9 ta’ Mejju, huwa okkażjoni sinifikanti li tgħaqqad lill-Ewropej fil-kommemorazzjoni tal-paċi, l-għaqda, u l-koperazzjoni fil-kontinent tagħna.

Dan il-jum huwa meqjus bħala l-punt tat-tluq tal-Unjoni Ewropea tal-lum, hekk kif ifakkar id-dikjarazzjoni tal-1950 tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż ta’ dak iż-żmien, Robert Schuman. Schuman ippropona istituzzjoni supranazzjonali biex tissorvelja l-industriji tal-faħam u l-azzar, bil-għan li trawwem l-għaqda u l-paċi fl-Ewropa mifnija bil-gwerra. Minkejja l-isfidi, il-vjaġġ ta’ integrazzjoni Ewropea qed ikompli jevolvi, xprunat minn prinċipji ta’ solidarjetà u progress.

F’jum l-Ewropa, il-messaġġ jibqa’ wieħed ewlieni: ‘Magħqudin fid-Diversità’, hekk kif is-saħħa kollettiva tagħna tinsab fl-għaqda. Dan jipprovdi mument biex ngħożżu d-diversità, infakkru l-valuri komuni, u nħaddnu l-identità unika Ewropea tagħna. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-jum isservi ta’ tfakkira tal-importanza tas-solidarjetà u l-koperazzjoni fit-tiswir tal-futur tal-kontinent tagħna.

Jum l-Ewropa ta’ din is-sena għandu sinifikat speċjali għal Malta u disa’ pajjiżi oħra, hekk kif ifakkru l-20 anniversarju mid-dħul tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Għal Malta, dan jimmarka żewġ deċennji ta’ sħubija u koperazzjoni fi ħdan l-UE, li jservu biex nirriflettu fuq il-mixja ta’ tkabbir, progress, u valuri komuni li sawru l-identità ta’ pajjiżna fl-Ewropa. Flimkien ma’ Stati Membri oħra, Malta qiegħda tiċċelebra l-kisbiet tal-aħħar żewġ deċennji filwaqt li tħares ’il quddiem għall-opportunitajiet u l-isfidi li ġejjin.

Jum l-Ewropa ta’ din is-sena jaħbat ukoll ftit ġimgħat qabel l-elezzjonijiet Ewropej tat-8 ta’ Ġunju, li għandhom influwenza sostanzjali fit-tiswir tad-demokrazija tal-Unjoni Ewropea, il-prijoritajiet u l-politiki tagħha, li jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jinfluwenzaw it-teħid tad-deċiżjonijiet u jiżguraw ir-rappreżentanza tagħna fil-Parlament Ewropew.

Nistiednu lil kulħadd biex fl-10 ta’ Mejju tingħaqdu magħna fit-tifkira ta’ Jum l-Ewropa fi Pjazza Ħelsien, il-Belt Valletta, bejn id-9am u s-1pm organizzata minn SEM u Europe Direct Valletta. Se nkunu qed infakkru wkoll Jum l-Ewropa, fil-11 ta’ Mejju fil-ġonna ta’ Villa Rundle, ir-Rabat, Għawdex, mill-10am sas-6pm b’kollaborazzjoni ma’ Europe Direct Gozo.

L-avvenimenti ta’ din is-sena, organizzati minn SEM, Europe Direct Valletta u Europe Direct Gozo, se jkun mimli b’attivitajiet ta’ informazzjoni dwar il-vantaġġi u l-opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea f’Malta u Għawdex. Numru ta’ entitajiet li joffru servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea se jkunu preżenti biex jipprovdu lill-viżitaturi b’informazzjoni u assistenza utli dwar id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea relatati mal-impjiegi, il-karrieri fl-Unjoni Ewropea, il-fondi tal-Unjoni Ewropea, in-negozji, l-edukazzjoni u s-saħħa, fost l-oħrajn.

B’rappreżentanti minn SEM, fondi.eu, Europe Direct Valletta, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta, u aktar, il-viżitaturi jistgħu jsibu l- informazzjoni f’post wieħed.

Dawn l-avvenimenti huma appoġġjati mill-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.

Ingħaqad magħna fl-10 ta’ Mejju, fi Pjazza Ħelsien, il-Belt Valletta, u fil-11 ta’ Mejju, fil-ġonna ta’ Villa Rundle, ir-Rabat, Għawdex, biex niċċelebraw Jum l-Ewropa u l-20 anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.