Nippreservaw il-Wirt Kulturali f’Għawdex b’Fondi tal-UE

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Il-fondi tal-Unjoni Ewropea matul is-snin ikkontribwew mhux ftit għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali f’Għawdex.

Kienu bosta l-proġetti ta’ restawr u l-preservazzjoni tal-patrimonju fil-gżira Għawdxija li ġew finanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Wieħed mill-iktar proġetti magħrufa, li bbenefika mill-finanzjament tal-UE huwa ċ-Ċittadella. Madwar €14.5 miljun ġew investiti fir-restawr tal-istrutturi interni ta’ din il-belt fortifikata, kif ukoll għall-ħolqien ta’ ċentru għall-viżitaturi, ir-rijabilitazzjoni ta’ spazji pubbliċi, ir-restawr ta’ bini pubbliku, u t-tisħiħ tal-aċċessibilità. Permezz ta’ dan il-proġett ġiet imtejba wkoll l-esperjenza tal-viżitaturi, li jagħmel dan il-proġett wieħed sostenibbli. Fl-2022, il-proġett taċ-Ċittadella rebaħ l-ewwel premju tal-kompetizzjoni prestiġjuża Ewropea RegioStars, fil-kategorija tal-Premju tal-Għażla Pubblika. Din il-kompetizzjoni titqies bħala t-tikketta ta’ eċċellenza tal-Ewropa għal proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Proġett ieħor li bbenefika minn fondi Ewropej huwa r-restawr tal-eqdem mitħna f’Għawdex, il-Mitħna tax-Xewkija, li hija mitħna unika fl-istruttura tagħha, b’bażi ottagonali bi tmien naħat. Il-Mitħna tax-Xewkija ġiet restawrata b’finanzjament tal-UE, li permezz tiegħu, inħadem u reġa’ ġie stallat il-mekkaniżmu tat-tħin u twettaq titjib strutturali ieħor. Dan il-proġett kien strumentali biex dan is-sit ta’ wirt storiku jingħata l-ħajja u jinbidel f’Ċentru għaż-Żfin u Kultura tradizzjonali, kif ukoll biex tikkontribwixxi għall-prodott turistiku ta’ Għawdex.

Fil-qalba tar-Rabat, wieħed isib il-Ħaġar, li huwa mużew għall-wirt u l-kultura tal-gżira, u ċentru kulturali komunitarju f’Għawdex. Grazzi għal finanzjament sostanzjali mill-Unjoni Ewropea u ġabra mill-komunità, il-Fondazzjoni Belt Victoria fetħet uffiċjalment iċ-Ċentru Kulturali Komunitarju il-Ħaġar, fejn wieħed isib kollezzjoni permanenti, kmamar awdjoviżivi, u terazzin modernizzat. Dan il-mużew u ċ-ċentru kulturali jopera grazzi għall-ħidma tal-voluntiera u jospita avvenimenti, wirjiet, lezzjonijiet, u attivitajiet edukattivi relatati max-xena artistika u kulturali ta’ Għawdex. Il-Ħaġar mhux biss jippreserva l-wirt għani ta’ Għawdex iżda wkoll jikkontribwixxi b’mod attiv fil-kultura u fil-qasam artistiku.

Il-ġonna ta’ Villa Rundle, raw finanzjament ta’ €2.5 miljun mill-UE, bl-għan li jirrestawra s-sinifikat storiku u ambjentali tiegħu. Il-proġett kien jinkludi l-ħolqien ta’ palk għal avvenimenti kulturali, xogħol infrastrutturali, u t-trasformazzjoni ta’ xelter tal-gwerra f’ġibjun tal-ilma. Il-ġonna, li kienu msemmija għall-Ġeneral Ingliż Leslie Rundle, saru ċentru għall-attivitajiet edukattivi u soċjali. B’hekk dan il-proġett ikkontribwixxa għall-aspetti soċjali u ekonomiċi ta’ Għawdex, billi għen biex jippreserva u jippromwovi l-wirt kulturali.

Aktar informazzjoni dwar dawn il-proġetti tinstab fuq il-website fondi.eu. Għal mistoqsijiet dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE kkuntattja lil SEM permezz tal-email info.sem@gov.mt jew ċempel 2779 7300.