Servizzi Ewropej f’Malta – Fondi Ewropej għal Kwalità ta’ Ħajja Aħjar

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

“Jinteressani li napplika għall-fondi Ewropej disponibbli, imma naqta’ qalbi”. Din hija stqarrija li ta’ spiss nisimgħu meta niltaqgħu ma’ organizzazzjonijiet u individwi u sa ċertu punt ikollhom raġun. Għal dawk li mhumiex daqshekk midħla ta’ kif jaħdmu l-fondi tal-Unjoni Ewropea, il-proċess tal-applikazzjoni għal skemi u proġetti b’fondi Ewropej jaf ikun kumpless u burokratiku. Ħafna jaqtgħu qalbhom qabel jibdew.

Minkejja dan, ir-realtà hi li l-fondi tal-Unjoni Ewropea joffru firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet u benefiċċji lil firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet u individwi. Pajjiżna, kemm ilu msieħeb fl-Unjoni, ra għexieren ta’ proġetti kbar infrastrutturali u ta’ kull xorta oħra li bla dubju tejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Iżda l-fondi Ewropej imorru lil hinn minn proġetti ta’ skala kbira.

Il-fondi Ewropej jgħinu qatigħ lil intrapriżi żgħar u medji biex jinvestu f’tagħmir u makkinarju li jtejjeb il-kompetittività tan-negozji. Jgħinu persuni li jaħdmu għal rashom bħall-bdiewa u s-sajjieda jinvestu f’tagħmir essenzjali għall-għajxien tagħhom u biex itejbu l-prodotti. Jgħinu lill-NGOs li jaħdmu f’oqsma differenti tas-soċjetà bħall-inklużjoni soċjali, l-isports, l-arti u l-kultura, il-protezzjoni tal-ambjent, u fl-intrapriża, biex iwettqu proġetti essenzjali għall-komunità. Jgħinu għaqdiet tal-baned u taż-żgħażagħ iwessgħu l-orizzonti tagħhom u jitgħallmu minn skambji ma’ Ewropej f’pajjiżi oħra. Mingħajr il-fondi Ewropej, proġetti bħal dawn kienu jkunu impossibbli li jseħħu.

Il-mistoqsija tibqa, “Imma kif nista’ negħleb l-ostakli burokratiċi u napplika għall-fondi?”

Hawn tidħol Servizzi Ewropej f’Malta (SEM). SEM hija aġenzija tal-gvern li tiffaċilita dan il-proċess. Fi kliem ieħor, nagħmluha iktar faċli li organizzazzjonijiet u individwi japplikaw b’suċċess għall-fondi Ewropej biex iwettqu proġetti għall-ġid tas-soċjetà.

SEM toffri servizz personalizzat u ħolistiku bla ħlas, mill-bidu sal-aħħar. Dan nagħmluh billi ngħinu lill-klijenti tagħna jesploraw possibiltajiet ta’ finanzjament ta’ proġetti, skont programmi differenti ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, u nassistuhom fil-mili tal-applikazzjoni. Ma niqfux hemm, imma ngħinu wkoll fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġetti li jkunu ħadu l-fondi. Peress li l-fondi Ewropej huma fondi pubbliċi, ikun meħtieġ jiġu segwiti regolamenti marbuta mal-infiq tal-flus biex tiġi mħarsa l-kontabilità fil-proċess kollu.

Ir-rispons li nirċievu mill-klijenti dwar is-servizzi tagħna huwa wieħed inkoraġġanti u jħeġġiġna nkomplu naħdmu b’entużjażmu akbar.

Servizz ieħor li noffru bħala SEM hu l-informazzjoni aġġornata dwar l-opportunitajiet disponibbli u l-benefiċċji tal-fondi Ewropej. Dan nagħmluh permezz ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni u taħriġ, u promozzjoni fil-website u s-social media ta’ SEM dwar opportunitajiet ta’ fondi li jkunu disponibbli minn żmien għal żmien, u tagħrif ieħor.

Jekk inti interessat/a fl-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej, imma ma tafx minn fejn tibda, SEM tista’ tgħinek. Il-kuntatti tagħna huma l-email info.sem@gov.mt, it-telephone +356 27797300 jew mill-website sem.gov.mt.