Skema ta’ Fondi tal-UE simplifikata għall-Investimenti fl-Agrikoltura

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Għalkemm Malta u Għawdex għandhom settur agrikolu żgħir, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-UE, dan is-settur għandu rwol kruċjali fl-ekonomija u jiżgura s-sigurtà tal-ikel għall-gżejjer tagħna. Għal dawn ir-raġunijiet, l-UE tagħraf il-ħtieġa li tgħin lill-bdiewa jikkumbattu d-diversi sfidi li jiffaċċja dan is-settur, fosthom l-impatt tal-bidla fil-klima, ir-riżorsi umani, in-nuqqas ta’ art agrikola, u limiti oħra naturali.

Tul l-aħħar 20 sena, Malta bbenefikat minn numru ta’ fondi Ewropej li jimmiraw biex isaħħu l-investimenti fis-settur agrikolu. L-iskop ta’ dawn il-fondi hu li s-settur tal-agrikoltura jsir aktar sostenibbli u jkompli jimmodernizza, filwaqt li l-bdiewa jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jegħlbu sfidi li jiltaqgħu magħhom. Din l-għajnuna se tkompli tingħata fis-snin li ġejjin hekk kif Malta assenjat mal-€166 miljun f’fondi tal-UE għal dan is-settur. Dawn il-fondi se jkunu investiti f’oqsma differenti, fosthom f’għajnuna lill-bdiewa biex jinvestu f’soluzzjonijiet effiċjenti u innovattivi għall-biedja, assistenza lill-bdiewa żgħażagħ ta’ taħt l-40 sena, u appoġġ lill-bdiewa biex isiru aktar kompetittivi.

F’dan ir-rigward, bħalissa hija miftuħa skema ta’ għotjiet żgħar mill-fondi Ewropej għall-bdiewa li toffri għajnuna f’investimenti tal-irziezet bħala parti mill-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni. L-għan ta’ din l-iskema hu li tappoġġja investimenti fis-settur agrikolu sabiex tippromwovi l-modernizzazzjoni, l-inovazzjoni, u l-kompetittività. L-iskop aħħari ta’ din l-iskema hu li l-bdiewa jsiru aktar effiċjenti u kompetittivi, u b’riżultat ta’ dan, iżidu d-dħul tagħhom.

Taħt din l-iskema simplifikata ta’ għotjiet żgħar, bdiewa (full-time jew part-time) li huma reġistrati bħala bdiewa fir-reġistru (IACS) tad-Dipartiment tal-Agrikoltura u gruppi ta’ bdiewa bħal sħubijiet u koperattivi, huma eliġibbli għal għotja massima ta’ €15,000, eskluża l-VAT, u b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 50%. Din l-għotja tista’ tintuża għal bini, restawr, u konservazzjoni tal-infrastruttura tar-razzett, jew għax-xiri ta’ tagħmir u makkinarju għall-użu agrikolu.

Wieħed mill-aspetti pożittivi ta’ din l-iskema huwa t-tħaddim ta’ proċedura simplifikata, kemm fl-applikazzjoni u anke fl-implimentazzjoni tal-proġett. Taħt din l-iskema, il-formola tal-applikazzjoni ġiet simplifikata b’tali mod li tagħmilha aktar faċli għall-bdiewa biex japplikaw direttament. Barra minn hekk, fl-applikazzjoni għax-xiri ta’ tagħmir jew makkinarju, l-applikanti jridu jippreżentaw kwotazzjoni waħda. Fil-każ ta’ bini, restawr jew konservazzjoni tal-infrastruttura tar-razzett, l-applikanti jridu jippreżentaw biss ‘bill of quantities’ wieħed li jinkludi fih ix-xogħlijiet li jridu jsiru, iffirmata minn perit awtorizzat. Barra minn hekk, ġie simplifikat ukoll il-proċess ta’ pagament, hekk kif il-pagamenti jsiru f’darba ladarba l-benefiċjarju jippreżenta d-dokumenti meħtieġa. Dawk li huma interessati japplikaw għandhom jirreferu għan-Noti Gwida għall-informazzjoni kollha fuq din l-iskema ta’ għotjiet żgħar.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu sal-Erbgħa 19 ta’ Ġunju f’nofsinhar.

Għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema, dawk interessati japplikaw huma mistiedna jattendu waħda mis-sessjonijiet ta’ informazzjoni li qed jiġu organizzati mill-Awtorità ta’ Ġestjoni flimkien ma’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM). Dawn is-sessjonijiet huma mmirati li jgħinu lill-applikanti jifhmu aħjar għal liema tip ta’ investimenti jistgħu japplikaw u x’inhuma l-ispejjeż eliġibbli taħt din l-iskema. Tingħata wkoll aktar informazzjoni fuq l-applikazzjoni u l-proċedura ta’ implimentazzjoni.

Is-sessjoni ta’ informazzjoni li jmiss ser issir nhar it-Tlieta 23 ta’ April fl-4pm fiċ-Ċentru Oaks, Triq Farsons, il-Ħamrun. Se jsiru wkoll żewġ sessjonijiet oħra, nhar l-Erbgħa 24 ta’ April fis-2pm fir-Razzett Sperimentali tal-Gvern, Ix-Xewkija, Għawdex, u l-oħra l-Ħamis 25 ta’ April fl-4pm fis-Sala Notre Dame, Ħaż-Żabbar. Aktar informazzjoni flimkien mal-formola ta’ reġistrazzjoni għal dawn is-sessjonijiet huma disponibbli fuq is-sit elettroniku ta’ SEM.

Bdiewa u gruppi ta’ bdiewa interessati li japplikaw għal din l-iskema jew jixtiequ jkunu jafu aktar dwar it-tip ta’ fondi li toffri l-UE jistgħu jidħlu fis-sit elettroniku sem.gov.mt jew jikkuntattjaw lil SEM għal aktar gwida fuq in-numru 2779 7300 jew info.sem@gov.mt