Żgħażagħ jużaw il-fondi Ewropej b’risq il-komunità

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Kieku wieħed kellu jistaqsi lil xi żgħażagħ dwar liema fondi Ewropej jistgħu jibbenifikaw minnhom, probabbli l-maġġoranza jsemmu l-ERASMUS+ li jagħtu l-opportunità liż-żgħażagħ biex jistudjaw barra minn xtutna jew biex jipparteċipaw fi skambji bejn żgħażagħ minn pajjiżi differenti. Għalkemm dawn it-tnejn huma opportunitajiet relevanti li żgħażagħ Maltin jistgħu jibbenifikaw minnhom, ftit li xejn jafu li jistgħu wkoll jibbenifikaw minn fondi Ewropej biex jagħmlu bidla pożittiva fil-komunità, permezz tal-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa programm ta’ fondi Ewropej li jagħti l-opportunità lil gruppi ta’ żgħażagħ biex iwettqu proġetti ta’ volontarjat f’pajjiżhom imsejħa ‘proġetti ta’ solidarjetà’. Dawn il-proġetti ta’ solidarjetà jistgħu jitwettqu kemm minn gruppi informali ta’ żgħażagħ kif ukoll minn għaqdiet ta’ żgħażagħ li jaħdmu fuq temi bħall-inklużjoni, id-diversità u t-tibdil fil-klima, permezz ta’ attivitajiet differenti fil-komunità.

Minħabba li l-bżonnijiet ta’ kull komunità huma vasti u jvarjaw fl-Istati Membri differenti tal-UE, dan il-programm ta’ fondi, b’differenza minn oħrajn, jippermetti l-flessibbiltà fuq it-tip ta’ proġetti li ż-żgħażagħ jistgħu jwettqu. B’hekk iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jilħqu lil kategoriji differenti tas-soċjetà permezz ta’ attivitajiet kreattivi u innovattivi.

Lokalment, l-għaqdiet taż-żgħażagħ li bbenifikaw minn dan il-programm ta’ fondi, użaw din il-flessibbiltà għall-vantaġġ tagħhom billi ħolqu proġetti immirati għall-bżonnijiet ta’ gruppi u komunitajiet differenti fil-gżejjer tagħna.

Pereżempju, is-sajf f’Malta huwa żmien opportun biex iż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-komunità u jqattgħu ftit mill-ħin tagħhom fis-settur tal-volontarjat. L-għaqda ‘Optimist Club Malta’ irrikonoxxiet din l-opportunità u matul is-sajf ser ikunu qed jorganizzaw programm ta’ attivitajiet għat-tfal fil-komunità. Permezz ta’ dan il-proġett ta’ solidarjetà, iż-żgħażagħ involuti ser jaħdmu b’mod volontarju ma’ tfal b’inqas opportunitajiet. L-attivitajiet ippjanati f’dan il-proġett jinkludu fost l-oħrajn qari ta’ kotba, lezzjonijiet ta’ crafts u tpinġija, u logħob edukattiv.

Proġett ieħor ta’ solidarjetà li ser ikun qed juża s-sajf għall-vantaġġ tiegħu huwa ‘Mosaic Magic’ li ser ikun organizzat minn CSR Malta - assoċjazzjoni li taħdem fil-qrib maż-żagħżagħ. Dan il-proġett ser ikun immexxi miż-żgħażagħ u ħa jkun qed iġib flimkien nies differenti ta’ kull età f’post komuni biex jipparteċipaw f’workshops tal-mużajk. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li tinħoloq esperjenza unika u ta’ tagħlim għaż-żgħażagħ, filwaqt li jippromwovu l-kreattività fil-komunità.

Creative Youth’ hija għaqda taż-żgħażagħ li wkoll ser tkun qed timplimenta proġett ta’ solidarjetà msejjaħ ‘Take a Creative Break’ bl-arti u l-kreattività fil-qalba tiegħu. Dan il-proġett ser ikun qed jagħti l-ispazju sabiex żgħażagħ kif ukoll adulti jkunu jistgħu jesprimu l-ideat u l-emozzjonijiet tagħhom permezz ta’ attivitajiet ta’ terapija bbażati fuq l-arti.

‘Coffee with Us’ huwa proġett ta’ solidarjetà mmexxi minn grupp ta’ żgħażagħ bid-Down Syndrome, bil-għan li titnaqqas l-istigma soċjali lejn persuni bid-Down Syndrome. Bħala parti minn dan il-proġett ser issir kafetterija li ser tipprovdi l-opportunità lil dawn iż-żgħażagħ sabiex jieħdu l-esperjenza meħtieġa fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, ser titqajjem kuxjenza u għarfien mal-pubbliku li ser ikun mistieden f’din il-kaffeterija dwar kif nies bi bżonnijiet speċjali jistgħu wkoll jiksbu l-ħiliet u jkunu indipendenti.

Il-proġetti li semmejna hawnhekk huma biss ftit minn dawk li applikaw b’suċċess għal-fondi taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà aktar kmieni din is-sena. Minn dawn l-eżempji huwa evidenti li dan il-programm ta’ fondi Ewropej jagħti l-opportunità lil żgħażagħ motivati biex jużaw il-kreattività sabiex jimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi għal problemi speċifiċi fi ħdan komunitajiet tagħna.

Jekk inti parti minn grupp ta’ żgħażagħ motivati biex tagħmlu l-bidla lokalment u interessati toħolqu u timplimentaw proġett ta’ solidarjetà, bħalissa l-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-4 ta’ Ottubru, 2023. Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) fuq inf.sem@gov.mt jew billi iżżur il-website sem.gov.mt biex tara kif nistgħu nassistuk.