Konferenza: Insaħħu l-Komunitajiet tagħna bil-Fondi Ewropej

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) organizzat Konferenza dwar il-Fondi Ewropej għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali, it-Tnejn, 4 ta’ Diċembru 2023. Din il-konferenza, li ttellgħet bil-kollaborazzjoni tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, kienet miftuħa għas-Sindki, Kunsilliera, Segretarji Eżekuttivi u Presidenti tal-Kunsilli Reġjonali.

Matulha ġew diskussi diversi temi, fosthom is-servizzi li tipprovdi SEM u l-appoġġ li jingħata mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali lil dawn l-entitajiet pubbliċi. L-għan ta’ din il-konferenza kien li jinforma lill-Kunsilli Lokali u Reġjonali kif jistgħu jisfruttaw il-fondi Ewropej għall-ġid tal-komunitajiet tagħhom.

Fetħet din il-konferenza l-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Denise Fiorentino, fejn spjegat kif il-gvern permezz ta’ SEM qed jagħti l-appoġġ biex il-fondi Ewropej ikunu iktar aċċessibbli. Is-Sa Fiorentino infurmat lill-Kunsilli Lokali u Reġjonali li SEM issa qed toffri wkoll l-assistenza fl-implimentazzjoni tal-proġetti b’fondi Ewropej. Barra minn hekk, SEM torganizza wkoll sessjonijiet ta’ informazzjoni u taħriġ. Fakkret li dawn is-servizzi huma kollha bla ħlas u ħeġġet lil dawk kollha li attendew biex jersqu lejn SEM biex tgħinhom jiżviluppaw l-ideat tagħhom fi proġetti, li permezz tagħhom ibiddlu l-lokalitajiet għall-aħjar.

L-Onor. Chris Bonett, Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej spjega kif il-gvern qed jaħdem sabiex jissimplifika l-aċċess għall-fondi Ewropej u għaldaqstant il-Kunsilli Lokali u Reġjonali m’għandhomx joqgħodu lura milli jaħsbu f’ideat innovattivi li jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u li possibbilment ikunu jistgħu jiġu implimentati b’fondi Ewropej.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, l-Onor. Alison Zerafa Civelli, ħeġġet lill-Kunsilli Lokali sabiex ikomplu jsebbħu l-lokalitajiet tagħhom billi jużaw kull opportunità li tiġi offruta lilhom.

Is-Sur Darren Grasso, Kap tat-taqsima Project Support ta’ SEM, kompla jispjega aktar fid-dettall is-servizzi li toffri SEM għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali.

Jirrappreżenta lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, id-Direttur Ġenerali uxxenti, is-Sur Natalino Attard tkellem fuq il-kollaborazzjoni bejn id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u SEM, u spjega li xogħol id-Diviżjoni hija li tivverifika l-proċessi, il-pagamenti u talbiet li jsiru matul l-implimentazzjoni tal-proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea u mill- fondi Norveġiżi. Huwa fakkar li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali hija l-punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-fondi URBACT IV u l-Inizjattiva Urbana Ewropea. Huwa rrefera wkoll għall-fond ta’ kofinanzjament mill-gvern sa għotja massima ta’ €150,000.

Is-Sur Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, kompla fuq dak li qalu l-kelliema ta’ qablu u ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali u Reġjonali sabiex jużaw dawn il-fondi u jfittxu l-għajnuna ta’ SEM.

Fil-konferenza, numru ta’ Sindki u uffiċjali qasmu l-esperjenzi tagħhom ta’ proġetti li implimentaw b’fondi Ewropej. Dawn kienu s-Sindku taż-Żejtun, Doris Abela u l-kunsilliera Stephanie Fenech, is-Sindku ta’ Ħal Tarxien, Joseph Abela Galea, u Mary Helen Grima u Bjorn Bonello mir-Reġjun Tramuntana.


Gallery