Fondi Ewropej biex tissaħħaħ is-Sigurtà Ċibernetika f’Malta

SEM assistiet lill-MITA biex jinkisbu fondi għal proġett ta’ €2.9 miljun mill-programm Ewropa Diġitali

Il-proġett ġie mniedi waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM Mandy Falzon, u l-Kap Eżekuttiv tal-MITA Emanuel Darmanin.

Permezz ta’ dan il-proġett, il-MITA se sservi ta’ Ċentru Nazzjonali ta’ Kordinament (ĊKN) għas-Sigurtà Ċibernetika u se jkollha l-għodda meħtieġa biex issaħħaħ is-sigurtà ċibernetika f’pajjiżna.

Parti minn dawn il-fondi se jintużaw biex l-SMEs jiġu megħjuna jinvestu f’teknoloġiji ta’ sigurtà ċibernetika u jħarrġu lill-impjegati fl-użu tagħhom.

Il-proġett mistenni jieħu sentejn biex iwaqqaf u jikkoordina ċ-ĊKN f’Malta, li jinkludi l-bini ta’ komunità nazzjonali ta’ ċibersigurtà, biż-żamma ta’ reġistru online, u l-assessjar ta’ talbiet għas-sħubija f’din il-komunità. Iċ-ĊNK f’Malta se jkollu website apposta u preżenza online biex jippromwovi kemm iċ-Ċentru u kemm is-servizzi tiegħu.

L-assistenza ta’ SEM kienet tikkonsisti f’numru ta’ laqgħat u komunikazzjoni regolari biex titfassal proposta kompetittiva tal-proġett u biex timtela l-applikazzjoni neċessarja, li kienet tikkonsisti f’diversi sezzjonijiet dettaljati u t-tfassil tal-budget għall-proġett.

Permezz tal-proġett hu mistenni li l-MITA tkun saħħet is-sigurtà ċibernetika kemm lokali u kemm fl-Unjoni Ewropea.