Il-Kummissjoni Ewropea tawtorizza ħlas ta' €58.9 miljun mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għal Malta

L-ammont totali jitla' għal €166.3 miljun

Il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat it-tieni ħlas lil Malta taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li eskluż il-pre-finanzjament jammonta għal €58.9 miljun, konferma tal-impenn u l-effiċjenza fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru nazzjonali.

Fil-21 ta’ Diċembru 2023, Malta ressqet it-tieni talba għall-ħlas tagħha taħt l-RRF għall-istess ammont ta’ €58.9 miljun, talba li tkopri 29 tragward u 5 oġġettivi. Dawn jikkonċernaw diversi riformi fl-oqsma tal-kostruzzjoni, l-immaniġġjar tal-iskart, it-trasport, is-saħħa, l-edukazzjoni u taħriġ, il-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-taxxa. Jinkludu wkoll investimenti fl-effiċjenza enerġetika, it-trasport, id-diġitalizzazzjoni u l-kura tas-saħħa.

Wara valutazzjoni preliminari pożittiva mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Marzu 2024, u b’opinjoni favorevoli tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Kunsill, ġiet imħejjija t-triq għall-approvazzjoni finali tal-fondi. Dan il-ħlas ser iżid l-ammont totali ta’ fondi li Malta tirċievi taħt l-RRF għal €166.3 miljun, li jirrappreżenta nofs il-fondi skedati għall-pjan Malti, b’39% mill-miri proġettati diġà ntlaħqu.

Il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta, b’finanzjament totali ta’ €328.2 miljun f’għotjiet, jirrifletti l-approċċ strateġiku tal-Gvern Malti li jindirizza l-isfidi preżenti u futuri. Dan qed isir permezz ta’ riformi u investimenti li jtejbu s-setturi kruċjali għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż, li juri l-impenn lejn it-tisħiħ tal-benesseri ekonomiċi u soċjali ta’ Malta.