Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej jiltaqa’ mal-istaff ta’ SEM

Diskussa fil-prattika kif l-aġenzija tista’ taqdi aħjar il-missjoni tagħha

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Dr Chris Bonett iltaqa’ mal-Kap Esekuttiv, Mandy Falzon u l-impjegati ta’ SEM u ddiskuta magħhom fil-prattika kif l-aġenzija tista’ taqdi aħjar il-missjoni tagħha biex il-fondi Ewropej ikomplu jgħollu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Id-diskussjoni ffukat fuq kif l-aġenzija tista’ twettaq aħjar il-funzjonijiet tagħha. Iż-żewġ funzjonijiet ewlenin huma li tkabbar l-għarfien dwar il-fondi Ewropej f’pajjiżna u li tgħin lil entitajiet bħalma huma l-NGOs, il-Kunsilli Lokali, in-negozji żgħar, il-bdiewa u s-sajjieda, biex japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea u jimplimentaw il-proġetti tagħhom.

Matul il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Bonett kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fis-Segretarjat għall-Fondi Ewropej, Jonathan Vassallo.