Fondi Ewropej għal Kwalità ta' Ħajja Aħjar - Użu Aktar Effiċjenti tal-Ilma

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna, b'livelli baxxi ta' xita u temperaturi għoljin, l-iskarsezza tal-ilma hija naturali f’Malta. Għaldaqstant, is-settur tal-ilma huwa wieħed mill-prijoritajiet ewlenin għal Malta fejn jidħlu l-modi kif jintużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. F’dan l-isfond, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA), ilha għal dawn l-aħħar snin twettaq diversi proġetti ta’ investiment kemm biex tiżviluppa soluzzjonijiet dwar l-użu sostenibbli tal-ilma u anke biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-konservazzjoni u l-użu effiċjenti tal-ilma mal-pubbliku.

Kif wieħed jista’ jsegwi fil-filmat, permezz tal-Fondi Ewropej, l-EWA toffri servizzi ta’ konsulenza b’xejn dwar l-użu effiċjenti tal-ilma fid-djar u fl-intrapriżi. Permezz ta’ dan is-servizz, esperti fi ħdan l-Aġenzija jżuru djar u intrapriżi u jipprovdu suġġerimenti mfassla apposta dwar kif isir l-aħjar użu mill-ilma.

Għal aktar informazzjoni kkuntattja lil SEM fuq info.sem@gov.mt jew 2779 7300.