€2.9 miljun f’Fondi Ewropej u lokali għat-tisħiħ tas-Sigurtà Diġitali

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) assistiet lill-aġenzija tat-teknoloġija tal-informazzjoni, il-MITA, biex kisbet dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea mill-programm ta’ fondi, Ewropa Diġitali.

Permezz ta’ dan il-proġett, il-MITA se sservi ta’ Ċentru Nazzjonali ta’ Kordinament għas-Sigurtà Ċibernetika f’pajjiżna u se jkollha l-għodda meħtieġa biex issaħħaħ is-sigurtà tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni. B’hekk dawn is-sistemi jkunu protetti minn attakki ta’ serq, tibdil jew tkissir ta’ informazzjoni sensittiva li jistgħu jwasslu wkoll għal serq ta’ flus jew li jħarbtu n-negozju li jsir online.

Il-proġett tal-MITA ġie mniedi waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM Mandy Falzon, u l-Kap Eżekuttiv tal-MITA Emanuel Darmanin.

Dawn il-fondi, minbarra li se jintużaw biex jitwaqqaf u jitħaddem Ċentru Nazzjonali ta’ Kordinament għas-Sigurtà Ċibernetika, se jservu wkoll biex in-negozji żgħar u medji (SMEs) jiġu megħjuna jinvestu f’teknoloġiji ta’ sigurtà ċibernetika u jħarrġu lill-impjegati fl-użu tagħhom.

Fl-applikazzjoni biex jinkisbu l-fondi għal dan il-proġett, ġew identifikati l-oqsma ta’ prijorità għall-SMEs lokali fejn tidħol is-sigurtà ċibernetika. Il-ħames oqsma li ġew identifikati se jservu ta’ bażi għall-kriterji li fuqhom tingħata l-għajnuna finanzjarja lil dawn in-negozji. Dawn l-oqsma speċifiċi jirrappreżentaw it-theddidiet maġġuri li jiffaċċja s-settur diġitali li jistgħu jolqtu t-tmexxija ta’ kuljum tan-negozji f’Malta. L-għajnuna għall-investiment f’dan ir-rigward għandha tgħin biex in-negozji jkollhom katina ta’ provvista aktar b’saħħitha. Il-kunċett ta’ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi, huwa ġdid għall-MITA u għaldaqstant l-aġenzija bħalissa qiegħda taħdem fuq politiki u proċeduri li jirregolaw l-allokazzjoni tal-fondi biex jiġi żgurat metodu ġust u trasparenti biex jiġu allokati l-fondi.

Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ komunità nazzjonali ta’ sigurtà ċibernetika, biż-żamma ta’ reġistru online, u l-assessjar ta’ talbiet għas-sħubija f’din il-komunità. Iċ-Ċentru f’Malta se jkollu website apposta u preżenza online biex jippromwovi kemm iċ-Ċentru u kemm is-servizzi tiegħu.

L-assistenza ta’ SEM lill-MITA kienet tikkonsisti f’numru ta’ laqgħat u komunikazzjoni regolari biex titfassal proposta kompetittiva tal-proġett u biex timtela l-applikazzjoni neċessarja, li kienet tikkonsisti f’diversi sezzjonijiet dettaljati u fit-tfassil tal-baġit għall-proġett.

Matul is-sena, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tgħin numru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, kunsilli lokali u entitajiet bħall-MITA biex iwettqu proġetti li jindirizzaw ħtiġijiet differenti tal-komunitajiet f’pajjiżna. B’modi differenti, il-fondi tal-Unjoni Ewropea jgħollu l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna. Dan l-investiment huwa wkoll riżultat ċar tal-ħidma konġunta bejn Servizzi Ewropej f’Malta u entitajiet bħall-MITA, li jkompli jżid mal-katina ta’ proġetti li jsiru f’pajjiżna mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Proġetti bħal dawn, fl-aħħar mill-aħħar għandhom impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum: minn skambji għaż-żgħażagħ sa taħriġ lil persuni biex isibu impjieg aħjar; minn investimenti fl-għaqdiet mużikali għal dawk sportivi; minn tisbiħ ta’ lokalitajiet sa tiġdid ta’ binjiet biex minnhom jingħataw servizzi ta’ kura lil persuni vulnerabbli fis-soċjetà.

Dawk l-organizzazzjonijiet li huma interessati jesploraw possibiltajiet ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għall-proġetti tagħhom jistgħi jikkuntattjaw lil Servizzi Ewropej f’Malta bl-email info.sem@gov.mt jew mill-website sem.gov.mt.