2023 – Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet

Artiklu miktub minn Faith Spearing – Europe Direct Valletta

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Permezz tat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, qegħdin naraw ħafna tibdiliet f’kull qasam tas-soċjetà, kemm fuq livell lokali u kemm fuq livell Ewropew. Iis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari, f’dawn l-aħħar snin inbidel drastikament u iktar ma nimxu lejn l-era diġitali iktar ser ikompli jinbidel. Għalkemm din il-bidla ġabet magħha ħafna opportunitajiet, ġabet magħha wkoll sfidi ġodda, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem.

Jekk nagħtu ħarsa fuq livell Ewropew, naraw kif iktar minn tliet kwarti tal-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea jsibuha diffiċli biex isibu ħaddiema li għandhom il-ħiliet neċessarji. Figuri Ewropej riċenti juru li inqas minn 40% tal-adulti jsegwu taħriġ b’mod regolari, filwaqt li erbgħa minn kull għaxar persuni li jaħdmu fl-Ewropa m’għandhomx il-ħiliet diġitali bażiċi. Fl-istess ħin naraw kif diġà fl-2021, oqsma differenti ta’ xogħol bħall-kostruzzjoni, il-qasam tas-saħħa u tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT), fost l-oħrajn, kellhom nuqqas ta’ ħaddiema. Dan juri li d-domanda għall-ħaddiema, kemm b’ħiliet għolja, kif ukoll b’ħiliet oħra, qiegħda dejjem tikber.

Fuq livell nazzjonali, skont l-ewwel stħarriġ li sar fl-2022 mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-ħiliet fis-suq tax-xogħol, aktar minn nofs il-ħaddiema f’Malta jinsabu f’impjieg li ma jaqbilx mal-livell ta’ ħiliet jew edukazzjoni tagħhom.

F’dan il-kuntest, is-sena li għaddiet il-President tal-Kummisjoni Ewropea Ursula Von der Leyen, ħabbret illi s-sena 2023 ser tkun is-sena Ewropea ddedikata għall-ħiliet. L-għan aħħari ta’ din is-Sena huwa sabiex tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet fl-Unjoni Ewropea.

Is-sena Ewropea tal-Ħiliet ser tkun qed tagħti imbuttatura ġdida għat-tagħlim matul il-ħajja li jwassal sabiex jintlaħqu l-miri soċjali tal-Unjoni Ewropea għall-2030, li mill-inqas 60% tal-adulti jipparteċipaw f'taħriġ kull sena, u mill-inqas 78% jkollhom impjieg. Barra hekk, din is-sena ser tgħin ukoll biex jintlaħqu l-miri diġitali għall-2023, li mill-inqas 80% tal-adulti jiksbu ħiliet diġitali bażiċi u li jkun hawn 20 miljun speċjalista tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-kommunikazzjoni (ICT) impjegati fl-Unjoni Ewropea.

Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, matul is-sena li ġejja l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ser ikunu qed jaħdmu id f’id mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, il-kmamar tal-kummerċ u l-industrija, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħaddiema u l-kumpaniji. Flimkien ser ikunu jistgħu jaħdmu sabiex ikun hemm progress fl-iżvilupp tal-ħiliet fil-post tax-xogħol.

Fost l-inizjattivi li ser isiru matul din is-sena ser ikun hemm promozzjoni għal investiment ogħla, aktar effettiv u inklussiv fit-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet. Fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali fis-suq tax-xogħol, ser issir analiżi tal-ħiliet li huma l-aktar relevanti, u jiitaqqblu l-ħiliet tan-nies mal-opportunitajiet tax-xogħol. Ser ikun hemm ukoll aktar sforz biex nies b’ħiliet differenti minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea jitħajru jaħdmu fl-Unjoni. Dan għandu jsir billi jitwessa’ r-rikonnoxximent tal-kwalifiki mogħtija barra mill-Unjoni Ewropea.

Tajjeb ngħidu li s-sena Ewropea tal-Ħiliet ser tkun qiegħda tikkontribwixxi biex aktar nies jidħlu fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari n-nisa u ż-żgħażagħ, u speċjalment dawk barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ.

Fl-aħħar mill-aħħar, nistgħu ngħidu li s-sena Ewropea għall-Ħiliet mistennija tinkoraġġixxi aktar it-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li tassigura li l-ħaddiema jkunu mgħammra bil-ħiliet neċessarji sabiex ilaħħqu mad-domanda tas-suq tax-xogħol fil-kuntest tal-bidliet li qiegħda ġġib magħha t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.