ERASMUS+: Iktar minn opportunitajiet ta’ vjaġġar

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Għal ħafna, il-programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea ERASMUS+ huwa assoċjat jew ma’ żgħażagħ li jsiefru f’pajjiżi oħra tal-Ewropa għal skambji, jew ma’ studenti universitarji li jagħmlu parti mill-istudji tagħhom barra mill-pajjiż. Iżda l-ERASMUS+ imur lil hinn mill-appoġġ għal dawn it-tip ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-istudenti.

L-ERASMUS+ huwa l-programm ewlieni tal-Unjoni Ewropea li jiffinanzja inizjattivi fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa. Dawn il-fondi jagħtu diversi opportunitajiet liż-żgħażagħ u lill-professjonisti f’dan il-qasam biex jagħmlu esperjenzi ta’ koperazzjoni u skambji f’pajjiżi oħra. Dawn l-opportunitajiet jibbenefikaw minnhom għalliema, letturi fl-edukazzjoni ogħla, coaches tal-isport u youth workers, fost l-oħrajn. Permezz ta’ dawn l-espejenzi, huma jwessgħu l-għarfien tagħhom billi jaqsmu metodi u prattiċi u jitgħallmu minn xulxin biex japplikawhom f’pajjiżhom u f’Malta.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) hija l-aġenzija ewlenija tal-gvern li tista’ tassisti lil dawk interessati, individwi u organizzazzjonijiet biex jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet li joffri l-ERASMUS+.

Fis-snin li għaddew, SEM assistiet numru kbir ta’ skejjel, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u organizzazzjonijiet volontarji, fost l-oħrajn, biex japplikaw, jiksbu fondi mill-ERASMUS+ u jwettqu proġetti marbuta mal-iżvilupp personali, professjonali u soċjali.

Waħda mill-ħafna skejjel li SEM assistiet hija l-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva (SAVP). Din hija l-unika skola f’Malta li tagħti l-opportuntà lil studenti tal-livell sekondarju biex isegwu karriera fl-arti performattiva bħala parti mill-istudji tagħhom. Minħabba dan, kien diffiċli li l-iskola ssib għalliema lokali li jagħtu taħriġ dwar l-edukazzjoni f’dan il-qasam lill-għalliema tagħha. L-għajnuna ta’ SEM issarrfet biex l-SAVP applikat b’suċċess għall-fondi biex twettaq żjarat fi skejjel Taljani u tidentifika metodi u prattiċi li jistgħu jiġu applikati f’Malta permezz ta’ kors ta’ taħriġ għall-għalliema. B’hekk, l-għalliema jkunu jistgħu jwessgħu l-għarfien professjonali tagħhom, li minnu fl-aħħar mill-aħħar igawdu l-istudenti.

Proġett interessanti ieħor huwa dak tal-Emergency Fire and Rescue Unit (EFRU) – organizzazzjoni volontarja li tappoġġja l-ħidma tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPĊ). SEM assistiet lill-EFRU biex tapplika għall-fondi għal taħriġ speċjalizzat fil-Portugall għall-voluntiera tagħha. Permezz ta’ dan il-proġett, il-voluntiera huma mħarrġa fit-tiftix u s-salvataġġ urban u b’hekk ikunu jistgħu jgħinu aħjar lid-DPĊ u jħarrġu voluntiera oħra fil-futur. Hu evidenti li b’hekk, dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea, mhux biss itejbu l-ħiliet tal-voluntiera, imma jtejbu wkoll il-kapaċità nazzjonali fit-tiftix u s-salvataġġ u żżid is-serħan il-moħħ ta’ kull min jgħix f’pajjiżna.

Dawn iż-żewġ proġetti huma eżempju żgħir ta’ numru kbir ta’ proġetti differenti li l-aġenzija SEM assistiet biex jitwettqu f’pajjiżna bil-fondi Ewropej. Jirrappreżentaw ukoll għexieren ta’ inizjattivi differenti finanzjati mill-ERASMUS+ li jkomplu jgħollu l-kwalità tal-ħajja billi jgħollu l-livell ta’ edukazzjoni tal-professjonisti u jwessgħu l-għarfien u l-esperjenzi ta’ ħafna żgħażagħ, studenti u organizzazzjonijiet.

Skejjel, organizzazzjonijiet volontarji u tal-isport, istituzzjonijiet edukattivi oħra u individwi jistgħu japplikaw għall-fondi mill-ERASMUS+ għal proġetti bħal dawn u oħrajn.

Kull min jixtieq jistaqsi dwar l-opportunitajiet li jagħti l-ERASMUS+ jista’ jew jirreferi għall-informazzjoni fil-website ta’ SEM hawn, jew jikkuntattjana biex niggwidawh.

Email: info.sem@gov.mt; Website sem.gov.mt; Telephone: 2779 7300.