Europe Direct Valletta: Ċentru ta’ Informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandna firxa wiesgħa ta’ drittijiet, benefiċċji u opportunitajiet u kif ukoll obbligi li joħorġu mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni. Dawn japplikaw kemm jekk inkunu f’pajjiżna u kemm jekk inkunu f’xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea u għalhekk jista’ jiġri li bħala konsumaturi, negozji, ħaddiema, studenti, organizzazzjonijiet volontarji jew żgħażagħ niġu bżonn informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u ma nkunux nafu fejn nistgħu nsaqsu.

L-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta - SEM - tmexxi ċentru ta’ informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea li jifforma parti minn network ta’ 424 ċentru mxerrda mal-Unjoni Ewropea kollha. Dawn iċ-ċentri huma msejħa Europe Direct u huma appoġġjati mill-Kummissjoni Ewropea biex jipprovdu servizzi ta’ informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea. F’Malta, għandna tliet ċentri minn dawn – Europe Direct Valletta mmexxi minn Servizzi Ewropej f’Malta, ieħor f’Għawdex immexxi mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u ċentru ieħor immexxi minn CORE Platform.

Għaldaqstant, Europe Direct Valletta jservi ta’ uffiċċju ta’ riferiment għal dawk li jkollhom bżonn xi tip ta’ informazzjoni marbuta mal-Unjoni Ewropea. U jekk l-informazzjoni mitluba tkun teħtieġ assistenza speċjalizzata, Europe Direct jidderiġuk lejn wieħed minn diversi uffiċċji speċjalizzati f’Malta u Għawdex biex jassistu f’każijiet ta’ diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jkunu f’pajjiżna. Fost dawn iċ-ċentri nsibu dawk għall-konsumaturi, dawk li jimmaniġġjaw programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea bħall-Erasmus+, dawk li jieħdu ħsieb jikkordinaw l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa jew ta’ sigurtà soċjali meta jinħtieġu fi Stati Membri oħra, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, u informazzjoni marbuta ma’ impjiegi f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Matul is-sena, bħala SEM u Europe Direct Valletta ntellgħu diversi attivitajiet biex nagħmlu l-Unjoni Ewropea u l-benefiċċji tagħha iktar aċċessibbli għal dawk li jkunu jeħtiġuhom. Hekk pereżempju, is-sena l-oħra għamilna diversi kampanji ta’ informazzjoni dwar il-ħidma tal-Unjoni Ewropea favur l-ambjent u l-klima, ir-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-COVID-19 u l-irkupru ta’ wara l-pandemija, dwar Jum l-Ewropa li jaħbat fid-9 ta’ Mejju, u diversi attivitajiet ta’ diskussjoni fuq diversi suġġetti bħala parti mill-attivitajiet nazzjonali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Matul is-sajf għamilna numru ta’ attivitajiet lit-tfal li jattendu Skolasajf u f’Settembru ħadna sehem fil-festival tax-xjenza fil-Belt biex inqajmu l-għarfien tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tar-riċerka.

Fl-aħħar sentejn ħriġna żewġ kotba għat-tfal u l-istudenti biex jitgħallmu aktar dwar l-Unjoni Ewropea. L-ewwel ktieb bl-isem, ‘Mas-Siġra tal-Ballut’ kien għal tfal ta’ 11 u 12-il sena, bi storja ta’ Trevor Żahra li tintroduċi lill-qarrejja għal informazzjoni bażika dwar l-Unjoni Ewropea u eżerċizzji prattiċi li jgħinu lit-tfal jitgħallmu aktar. Is-sena l-oħra ħriġna ktieb ieħor għall-istudenti ta’ 14 u 15-il sena bit-titlu, ‘noħlomlixidarba’. Il-ktieb fih 10 stejjer fittizji mill-awtriċi Clare Azzopardi dwar il-ħolm, l-aspirazzjonijiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom grupp ta’ ħbieb tal-istess età u kif l-Unjoni Ewropea tista’ tappoġġjahom biex iwettqu l-ħolm tagħhom.

L-uffiċini ta’ SEM u Europe Direct Valletta jinsabu fi Triq ir-Repubblika, ftit ’l isfel mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Matul is-sena jkollna diversi persuni li jiġu għandna biex isibu materjal ta’ informazzjoni u pubblikazzjonijiet li toħroġ minn żmien għal żmien l-Unjoni Ewropea dwar suġġetti differenti. Ikollna wkoll talbiet minn skejjel u għalliema biex nipprovdulhom materjal ta’ tagħlim adattat għat-tfal. Il-pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea joħorġu kemm bil-Malti u kif ukoll bl-Ingliż.

Għal aktar tagħrif dwar is-servizzi tagħna tista’ ċċempel 2200 3300 jew 2200 3316, jew tibgħat email lil edvalletta.sem@gov.mt.