Fondi Ewropej biex Ngħollu l-Valur tal-Wirt Storiku u Kulturali Malti

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Bħala gżejjer fil-Mediterran bi storja rikka li tmur lura s-sekli, kemm f’Malta u f’Għawdex insibu wirt storiku u kulturali imprezzabli li jistħoqqlu jkun apprezzat kemm mir- residenti kif ukoll minn dawk li jżuruna. Però fir-realtà nafu li t-tħaris ta’ dan il-wirt jirrikjedi investimenti ta’ flejjes kbar mhux biss għar-restawr imma anke għall-manutenzjoni.

Bis-saħħa tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, f’dawn l-aħħar 20 sena Malta bbenefikat minn diversi fondi Ewropej bil-għan li tħares u tgħolli l-valur tal-wirt storiku u kulturali Malti permezz ta’ investiment fir-restawr u r-riġenerazzjoni ta’ diversi siti storiċi f’attrazzjonijiet li jintlaħqu. Dan iwassal mhux biss għall-iżvilupp ekonomiku tal-prodott turistiku Malti, imma wkoll għall-preservazzjoni tal-identità Maltija u tkun tista’ tiġi apprezzata kemm minna u kemm mill- ġenerazzjonijiet futuri.

Bħalissa hi miftuħa s-sejħa għal applikazzjonijiet għall-‘Valorizzazzjoni Kulturali’ li hija mmirata għall-kunsilli lokali jew għaqdiet volontarji li jixtiequ jwettqu proġetti ta’ restawr fuq siti ta’ wirt kulturali u storiċi bil-għan li dan jingħataw ħajja mill-ġdid u jinbidlu f’attrazzjonijiet. Permezz ta’ fondi Ewropej, għaqdiet volontarji u kunsilli lokali jkunu jistgħu jinvestu fil-protezzjoni, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-wirt kulturali u servizzi kulturali bil-għan li jitjieb il-prodott turistiku ta’ Malta u Għawdex. Dan jinkludi interventi bħal restawr, konservazzjoni u riġenerazzjoni ta’ siti storiċi fost l-oħrajn. Din is-sejħa hija miftuħa sat-30 ta’ April, 2024 u aktar informazzjoni tinstab fis-sit elettroniku fondi.eu.

Din mhix l-ewwel sejħa ta’ applikazzjonijiet ta’ dan ix-xorta. F’dawn l-aħħar 20 sena kienu ħafna l-kunsilli lokali u l-għaqdiet volontarji li bbenefikaw minn fondi Ewropej biex jibdlu siti ta’ valur storiku u kulturali f’attrazzjonijiet li jintlaħqu. Dan wassal sabiex aktar lokalitajiet u żoni madwar Malta u Għawdex isiru parti mill-mappa turistika tal-Gżejjer.

Il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, pereżempju, permezz tal-fondi Ewropej fl-aħħar tas-sena li għaddiet fetaħ il-Mużew tal-Ferrovija fi Ġnien l-Istazzjon. Minbarra li jfakkar l-istorja tal-ferrovija f’Malta, jixħet ukoll dawl fuq il-ħajja soċjali Maltija fi żmien li kienet tintuża l-ferrovija. Fl-istess sena ġew inawgurati wkoll il-Mitħna tal-Għaqba fin-Naxxar u t-Torri tal-Arloġġ u ċ-ċentru tal-viżitaturi fl-Imtarfa. Dawn iż-żewġ proġetti ta’ restawr twettqu mill-kunsilli lokali tan-Naxxar u l-Imtarfa bis-saħħa tal-fondi Ewropej bil-għan li mhux biss terġa’ tingħata l-ħajja lil monumenti storiċi fil-qalba tal-komunità imma biex dawn jintużaw bħala attrazzjonijiet kulturali li jiġbdu aktar turisti lejn dawn il-lokalitajiet.

B’mod simili, il-Fondazzjoni Wirt Artna u Din l-Art Ħelwa, ibbenefikaw minn fondi Ewropej sabiex jinvestu fir-restawr u l-konservazzjoni ta’ fortijiet u torrijiet matul il-kosta. Partikolarment, il-Fondazzjoni Wirt Artna bħalissa għaddejja b’xogħol ta’ restawr ġewwa l-Forti ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn, li ser jinbidel f’mużew tal-piraterija. Dan ser ikun l-ewwel mużew tax-xorta tiegħu f’Malta u wisq aktar ser jgħin biex jiġbed turisti li huma interessati f’din l-istorja ta’ Malta lejn in-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

Dawn il-proġetti huma biss togħma żgħira tal-firxa wiesgħa ta’ proġetti li saru matul is-snin permezz ta’ fondi Ewropej. Hemm diversità kbira ta’ proġetti li jistgħu jitwettqu permezz ta’ dawn il-fondi bil-għan ngħollu l-valur tal-wirt storiku u kulturali Malti li jkompli jissaħħaħ il-prodott turistiku Malti.

Għal iktar informazzjoni dwar din is-sejħa miftuħa għall-investiment fil-wirt storiku u kulturali madwar Malta u Għawdex jew għal aktar informazzjoni dwar it-tip ta’ opportunitajiet tal-UE, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tista’ tiġi kkuntattjata permezz tas-sit elettroniku sem.gov.mt, bit-telephone 2779 7300 jew bl-email info.sem@gov.mt.