Fondi tal-UE għat-tkabbir tan-negozji

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Jeżistu diversi skemi ta’ fondi Ewropej li huma immirati għal tipi differenti ta’ intrapriżi li joperaw f’setturi varji, bħall-imprendituri, negozji ġodda, intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u intrapriżi kbar.

Dawn l-opportunitajiet ta’ finanzjament huma immirati biex l-intrapriżi f’pajjiżna jiżviluppaw, isiru aktar innovattivi, effiċjenti, produttivi u reżiljenti, u għaldaqstant ikomplu jikbru. Min-naħa l-oħra, biex wieħed jiggwadanja minn dawn l-iskemi, jista’ jsibha xi ftit diffiċli, speċjalment jekk dak li jkun ikun qiegħed japplika għall-ewwel darba. Għal din ir-raġuni, l-aġenzija SEM tista’ tgħinek tidentifika l-opportunitajiet differenti ta’ fondi Ewropej għan-negozju tiegħek u tassistik kif meħtieġ.

Bħalissa hemm miftuħa għadd ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament għall-intrapriżi minn fondi Ewropej, bħalma huma skemi għal investimenti f’tagħmir, makkinarju, konsulenza, u soluzzjonijiet diġitali. Il-finanzjament ta’ dawn l-iskemi ġej mill-Programmi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni għal Malta għall-perjodu 2014-2020.

Dawn l-iskemi kollha għandhom numru ta’ dati ta’ skadenzi differenti ta’ meta jagħlqu s-sottomissjonijiet għall-applikazzjonijiet. Tajjeb wieħed jagħraf li kull skema tibqa’ miftuħa skont id-domanda, u għaldaqstant ladarba l-fondi jiġu eżawriti, l-iskema rispettiva tingħalaq. Barra minn hekk, l-iskemi jvarjaw fl-allokazzjoni ta’ finanzjament abbinata magħhom, b’rati ta’ finanzjament differenti u varjazzjonijiet fl-ammonti ta’ finanzjament minimu u massimu.

L-ewwel skema hija l-Iskema għal Tagħmir u Makkinarju għall-Intrapriżi Żgħar u Medji. Din l-iskema tappoġġja l-investiment f’tagħmir u makkinarju immirat għat-titjib dirett tal-produttività tal-intrapriża. L-investiment jista’ jkun immirat lejn l-espansjoni, id-diversifikazzjoni, u/jew l-innovazzjoni tal-operazzjonijiet, u billi jappoġġja l-investimenti inizjali tal-intrapriża.

It-tieni skema hija l-Iskema ta’ Għotja ta’ Għajnuna fil-Konsulenza għall-Intrapriżi Żgħar u Medji. Din l-iskema tappoġġja l-iżvilupp ta’ pjan ta’ negozju, studju ta’ vijabbiltà, reviżjoni tal-organizzazzjoni u operazzjonijiet jew reviżjoni tal-proċessi u sistemi.

Taħt il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza għal Malta, bħalissa hemm ukoll żewġ sejħiet li huma miftuħa għal proposti ta’ proġetti. L-ewwel hija l-Iskema ta’ Għotjiet għad-Diġitalizzazzjoni għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, li tassisti lil dawn l-intrapriżi sabiex jiffinanzjaw parzjalment l-investiment biex jiddiġitalizzaw l-operazzjonijiet tagħhom, u b’hekk tittejjeb ir-reżiljenza, l-effiċjenza, il-produttività u l-esperjenza tal-klijenti tagħhom.

Taħt l-istess programm ta’ finanzjament, hija miftuħa l-Iskema ta’ Għotjiet għall-Intensifikazzjoni Diġitali li qiegħda hemm biex tassisti intrapriżi eliġibbli jintensifikaw id-diġitalizzazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom. Speċifikament, dan l-investiment għandu jappoġġja intrapriżi li joperaw fl-industriji tal-manifattura u tat-turiżmu. Għaldaqstant, din l-iskema għandha żżid l-investimenti f’teknoloġiji u proċessi bħalma huma hardware, software u soluzzjonijiet diġitali oħra fl-intrapriża, biex tittejjeb l-effiċjenza, il-produttività u l-esperjenza tal-klijenti.

Filwaqt li dawn l-iskemi kollha huma immirati lejn l-intrapriżi, kull sejħa għandha l-kundizzjonijiet tagħha u allokazzjonijiet finanzjarji differenti. Għalhekk huwa kruċjali li wieħed jirreferi għad-dokumentazzjoni li tittella’ fuq il-websajt FONDI.eu relatata ma’ kull sejħa.

Jekk wieħed ikun interessat biex japplika, huwa mħeġġeġ jirreferi għal din id-dokumentazzjoni biex jiddetermina l-eliġibilità tiegħu, jimla l-formola tal-applikazzjoni, jiġbor id-dokumenti kollha meħtieġa u jissottometti l-formola tal-applikazzjoni sad-data tal-għeluq mill-aktar fis possibbli.

Jekk għandek bżonn għajnuna fl-iżvilupp tal-idea tal-proġett tiegħek u l-formola tal-applikazzjoni, jew għandek mistoqsija relatata ma’ dawn l-iskemi jew kwalunkwe programm ieħor ta’ finanzjament tal-UE, tista’ tikkuntattja lil SEM permezz ta’ email fuq info.sem@gov.mt, jew permezz ta’ telefonata fuq +356 2779 7300.