Fondi tal-Unjoni Ewropea għall-ħarsien tal-Patrimonju Reliġjuż

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Malta u Għawdex għandhom storja rikka u twila ta’ tradizzjoni reliġjuża li hija minsuġa fl-identità u l-kultura tagħna. Dan huwa l-aktar evidenti fil-fatt li minkejja ċ-ċokon tal-gżejjer tagħna, wieħed jista’ jsib ‘il fuq minn 350 knisja jew kappella; kważi waħda għal kull jum tas-sena, minn katidrali sa kappelli żgħar, fil-qalba tal-lokalitajiet.

Dawn il-knejjes jikkontribwixxu mhux ftit għall-wirt storiku, arkitettoniku u kulturali tagħna. Għaldaqstant, huwa essenzjali li l-wirt ekkleżjastiku li jinsab f’dawn il-knejjes jiġi konservat, promoss u mħares sabiex kemm il-ġenerazzjonijiet preżenti u kif ukoll dawk futuri jkunu jistgħu jgawdu u japprezzaw dan il-wirt tagħna.

Il-gżejjer tagħna bbenefikaw minn fondi kbar għall-iżvilupp ta’ pajjiżna, inkluż fil-patrimonju storiku u kulturali. Dawn il-fondi huma essenzjali, għax permezz tagħhom nistgħu ninvestu fil-konservazzjoni tal-wirt ekkleżjastiku.

Permezz tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, aktar kmieni din is-sena tlestew żewġ proġetti mill-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex, rispettivament, bil-għan li li jiġi kkonservat, promoss u protett il-wirt ekkleżjastiku ta’ Malta u Għawdex. L-Arċidjoċesi ta’ Malta bbenefikat minn madwar €4 miljun f’fondi tal-Unjoni Ewropea biex jiġu restawrati u kkonservati 34 sit reliġjuż f’26 lokalità madwar Malta, filwaqt li d-Djoċesi ta’ Għawdex, ibbenefikat minn aktar minn €1.5 miljun f’fondi tal-Unjoni Ewropea biex twettaq xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni fuq 15-il sit reliġjuż differenti. Ix-xogħol li sar f’dawn iż-żewġ proġetti kien varjat u kien jinvolvi r-restawr tal-bini ta’ knejjes u kappelli minn barra u dak ta’ opri tal-arti, fost l-oħrajn.

Issa li tlestew ix-xogħlijiet, ġew stabbiliti żewġ trails fuq il-wirt reliġjuż f’Malta u Għawdex. Peress li x-xogħlijiet li saru f’dawn il-proġetti kienu maqsumin f’diversi lokalitajiet, dawn it-trails jiggwidaw lill-pubbliku f’żoni differenti fejn sar ir-restawr permezz ta’ mappa li tinkludi fiha l-knejjes u l-postijiet reliġjużi oħrajn fejn sar ir-restawr. Il-ħsieb huwa li l-pubbliku jista’ jara mill-qrib kif il-fondi tal-Unjoni Ewropea ntużaw sabiex jagħtu ħajja mill-ġdid lill-wirt reliġjuż li jinsab f’lokalitajiet differenti.

It-trail tal-knejjes f’Malta, hija mifruxa madwar Malta kollha, mill-Mellieħa sa Marsaxlokk, u hija maqsuma fi tliet żoni ġeografiċi prinċipali li l-pubbliku jista’ jsegwi: it-trail fit-tramuntana, it-trail ċentrali, u t-trail fin-nofshinar. Kull trail ġiet magħmula b’tali mod li l-pubbliku jista’ jesplora u japprezza l-ġmiel arkitettoniku u artistiku ta’ diversi knejjes u kappelli li bbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Pereżempju, tul it-trail ċentrali, il-viżitaturi jistgħu jesploraw l-Oratorju tal-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, li grazzi għar-restawr li sar issa jistgħu jitgawdew mill-pubbliku. Aktar informazzjoni dwar it-trails differenti tista’ ssibha hawn.

It-trail Ekkleżjastika ta’ Għawdex, li wkoll twaqqfet aktar kmieni din is-sena, tinkonsisti minn 13-il sit differenti li huma mifruxa f’lokalitajiet differenti madwar Għawdex. Simili għat-trail li nsibu f’Malta, din it-trail hija wkoll maqsuma f’żoni ġeografiċi u hija maħsuba b’tali mod li jekk il-viżitaturi jagħżlu li jsegwu t-trail kollha, ikunu daru dawra mal-gżira kollha. Aktar informazzjoni dwar kif inhi mqassma din it-trail, u liema siti bbenefikaw mill-fondi flimkien ma’ deskrizzjoni qasira ta’ kull knisja u kappella tinsab hawnhekk.

Dawn it-trails tal-patrimonju reliġjuż jippermettu u jħeġġu lill-pubbliku, inklużi turisti, biex jesploraw mill-qrib il-wirt reliġjuż tal-gżejjer tagħna filwaqt li jesperjenzaw b’mod dirett kif il-fondi tal-Unjoni Ewropea huma essenzjali biex nippreservaw il-wirt kulturali, storiku u ekkleżjastiku tagħna.

Għal aktar informazzjoni dwar proġetti lokali li bbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku fondi.eu jew jikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) fuq 2779 7300 jew permezz tal-email info.sem@gov.mt