Servizzi Ewropej f’Malta – Inqarrbu l-fondi Ewropej lejk

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) hija l-aġenzija tal-gvern li sservi ta’ one-stop-shop għall-fondi Ewropej billi tiffaċilita l-proċess għall-entitajiet pubbliċi u privati, organizzazzjonijiet, intrapriżi u individwi biex japplikaw b’suċċess għall-fondi tal-Unjoni Ewropea.

SEM tiffaċilita dan il-proċess billi tqajjem aktar kuxjenza mal-pubbliku dwar id-diversi opportunitajiet ta’ fondi Ewropej disponibbli, u tilħaq udjenzi ġodda li jistgħu jkunu benefiċjarji ta’ dawn il-fondi. Apparti dan, l-Aġenzija hija kommessa sabiex tiffaċilita l-proċess marbut mal-fondi Ewropej permezz ta’ servizz personalizzat u ħolistiku.

Matul din l-aħħar sena, SEM ħadmet mill-qrib mal-awtoritajiet li huma responsabbli mill-programmi differenti ta’ fondi Ewropej, biex il-fondi disponibbli jilħqu aktar nies li jibbenefikaw minnhom. B’kollaborazzjoni ma’ dawn l-awtoritajiet, SEM organizzat numru ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni għal benefiċjarji differenti, fosthom bdiewa li jridu jtejbu l-operat fl-għelieqi tagħhom u negozji li jridu jżidu l-produttività tal-intrapriża tagħhom. Dawn is-sessjonijiet ta’ informazzjoni huma maħsuba biex jgħinu lil dawk li jixtiequ japplikaw għal skemi finanzjati mill-Unjoni Ewropea filwaqt li jkollhom l-opportunità li jistaqsu dwar dawn l-iskemi direttament lill-awtorità konċernata.

Barra minn hekk, SEM kienet ukoll impenjata sabiex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-awtoritajiet meta l-proġett ikun wasal fl-istadju ta’ implimentazzjoni. Permezz tal-Aġenzija SEM, il-benefiċjarji jkunu jistgħu jingħataw assistenza personalizzata skont ir-regoli tal-implimentazzjoni tal-proġett u għaldaqstant il-benefiċjarji ma jaqtgħux qalbhom mir-regolamenti assoċjati ma’ dawn il-fondi.

L-Aġenzija ħadmet ukoll biex tkabbar l-għarfien dwar l-impatt pożittiv tal-fondi Ewropej permezz ta’ parteċipazzjoni regolari fi programmi lokali differenti tat-televiżjoni u tar-radju. Din kienet opportunità sabiex SEM tippromwovi diversi proġetti mwettqa minn entitajiet u organizzazzjonijiet differenti permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Pereżempju, sindki minn kunsilli lokali differenti u rappreżentanti minn diversi NGOs ġew mistiedna jaqsmu xi proġetti li saru permezz tal-fondi tal-Unjoni Ewropea għal-lokalitajiet u l-komunitajiet tagħhom, l-esperjenza tagħhom fil-kisba ta’ dawn il-fondi u x’impatt kellhom fuq il-membri tagħhom, il-lokalitajiet u l-pajjiż. Dan jgħin lill-pubbliku biex jirrelata aktar mal-fondi tal-Unjoni Ewropea billi jara kif dawn il-fondi jintużaw fil-komunitajiet tagħhom, filwaqt li juru kif huwa possibbli li dawn il-fondi jintlaħqu minn għaqdiet u entitajiet differenti, irrispettivament mid-daqs tagħhom.

Matul din is-sena, SEM wettqet ukoll diversi attivitajiet li huma maħsuba biex iqarrbu l-fondi tal-Unjoni Ewropea lejn il-pubbliku. Pereżempju, ġew organizzati tliet tours bir-roti madwar żoni differenti f’Malta u Għawdex bil-għan li jintwerew id-diversi modi kif il-fondi tal-Unjoni Ewropea jintużaw lokalment f’investimenti u appoġġ għall-iżvilupp tal-gżejjer tagħna. Bħala parti mit-tours, iċ-ċiklisti kellhom l-opportunità li jżuru l-Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, it-Tempji tal-Ġgantija, u l-Park Naturali tas-Salina, fost siti oħra. Saret ukoll inizjattiva simili ma’ studenti minn skejjel sekondarji differenti biex iżuru siti li bbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea bħall-MUŻA u t-Tempji ta’ Ħal Tarxien.

Din is-sena ħriġna b’inizjattivi ġodda li jinvolvu lill-pubbliku b’mod kreattiv, bħal pereżempju kompetizzjoni fotografika sabiex membri mill-pubbliku jissottomettu ritratti ta’ proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt temi speċifiċi. Ir-ritratti jagħtu ħajja b’mod viżwali u attraenti lid-diversi riżultati li ġabu l-fondi tal-Unjoni Ewropea permezz tad-diversi proġetti implimentati f’Malta u f’Għawdex. Fl-aħħar tal-kompetizzjoni kien hemm aktar minn 90 sottomissjoni ta’ ritratti differenti li minnhom intgħażlu 15 li ntużaw f’wirja fotografika li ttellgħet f’lokalijet differenti madwar Malta.

Hekk kif qed nippreparaw biex nilqgħu s-sena l-ġdida, l-Aġenzija SEM hija kommessa li tkompli tibni fuq il-ħidma li wettaqna matul din is-sena bil-għan li tkompli tkabbar l-għarfien dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea u tattira benefiċjarji ġodda. SEM se tkompli taħdem ukoll sabiex tissimplifika l-proċessi relatati kemm mal-applikazzjoni u kemm mal-implimentazzjoni ta' proġetti li jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea jew biex wieħed iżżomm ruħu aġġornat mal-inizjattivi li torganizza l-Aġenzija SEM matul is-sena, wieħed jista’ jżur il-website tagħna sem.gov.mt jew jikkuntattjana fuq 2779 7300 jew permezz tal-email info.sem@gov.mt.