SEM 2023 - Inqarrbu lejk il-Fondi tal-UE

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Fl-2023, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) kompliet iżżid l-impenn tagħha biex tiffaċilita l-aċċess għall-fondi tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-individwi u l-organizzazzjonijiet.

Flimkien mal-impenn tal-gvern li jissimplifika l-proċessi marbuta mal-fondi tal-UE, l-Aġenzija SEM hija l-punt ta’ kuntatt ewlieni għal dawk li jfittxu l-informazzjoni u l-opportunitajiet marbuta mal-Fondi Ewropej.

Matul l-2023, SEM iffukat il-ħidma tagħha biex aktar nies ikunu jafu dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE u l-vantaġġi tagħhom. L-Aġenzija organizzat 90 attività, ippubblikat 120 artiklu, żiedet il-preżenza tagħha fi programmi televiżivi, u żammet il-preżenza tagħha attiva fil-mezzi elettroniċi.

SEM organizzat diversi attivitajiet fejn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet setgħu jipparteċipaw. Ta’ min isemmi l-fiera u l-avveniment pubbliku nhar Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju, li matulu wrejna l-benefiċċji u l-opportunitajiet tal-UE għaċ-ċittadini f’Malta u Għawdex; seminars dwar ‘In-Nisa u l-Fondi Ewropej’ u ‘Insaħħu l-Komunitajiet tagħna bil-Fondi Ewropej’ għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali; sessjonijiet edukattivi għal 400 student li attendew SkolaSajf; żjarat f’siti u proġetti finanzjati mill-UE għall-istudenti u ċ-ċiklisti; u kompetizzjoni fotografika dwar il-proġetti ffinanzjati mill-UE f’Malta u Għawdex li ġew esebiti f’wirja fuq barra, fil-Furjana, Raħal Ġdid u l-Imdina. Dawn l-avvenimenti u oħrajn enfasizzaw l-impatt pożittiv tal-fondi tal-UE filwaqt li pprovdew informazzjoni dwar kif dawn il-fondi jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

SEM wettqet ukoll 15-il kampanja ta’ informazzjoni immirati għal dawk li jistgħu japplikaw għall-fondi Ewropej, u dwar sejħiet ta’ finanzjament tal-UE miftuħa. Dawn il-kampanji kienu jikkonsistu f’sessjonijiet ta’ informazzjoni, u avviżi permezz ta’ diversi modi ta’ komunikazzjoni, inkluż FaceBook, YouTube, is-sit elettroniku ta’ SEM, programmi televiżivi u tar-radju. Flimkien ma’ Awtoritajiet differenti, SEM organizzat 18-il sessjoni ta’ informazzjoni li jkopru temi differenti ta’ programmi ta’ finanzjament, bħal 'Digitalise your Micro Business,' 'CERV–Town-Twinning,' and 'Funding Opportunities in Healthcare', u ‘Asylum, Migration and Integration Fund’.

Bejn Lulju u Novembru twettqet ukoll kampanja promozzjonali marbuta mal- Programm ta’ Koperazzjoni Territorjali, Interreg Italia-Malta. Il-qofol ta’ din il-kampanja kienet konferenza li laqqgħet flimkien il-benefiċjarji tal-passat u dawk potenzjali u dawk kollha interessati japplikaw għall-fondi taħt il-programm il-ġdid, biex ikollhom l- informazzjoni meħtieġa dwar il-prijoritajiet ewlenin tal-Programm.

SEM tmur lil hinn mill-għoti tal-informazzjoni. Filfatt, SEM tipprovdi assistenza fl-iżvilupp tal-proposti tal-proġetti u l-implimentazzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, SEM organizzat 10 sessjonijiet ta’ taħriġ, u għamlu’l fuq minn 200 laqgħa individwali, li rriżultaw fis-sottomissjoni ta’ 51 applikazzjoni għal proġetti fuq diversi temi, minn programmi u skemi differenti ta’ fondi tal-UE.

Għas-sitt sena konsekuttiva, SEM mexxiet Europe Direct Valletta - ċentru ta’ informazzjoni tal-UE appoġġjat mill-Kummissjoni Ewropea. Dan iċ-ċentru wettaq attivitajiet u kampanji biex jinvolvi liċ-ċittadini u li juru l-modi diversi li bihom l-UE tinvesti u tappoġġja proġetti u politiki tagħha madwar Malta u Għawdex.

Bħala Aġenzija, inħarsu ‘l quddiem lejn l-2024, meta Malta tkompli tibbenefika minn aktar minn €2 biljun matul il-perjodu finanzjarju 2021-2027. Is-sena li ġejja, SEM, se jkunu qed jipprovdu informazzjoni relatata ma’ opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament fuq is-sit elettroniku ta’ SEM u fil-mezzi tal-midja soċjali.

Biex issir taf aktar dwar is-servizzi ta’ SEM, żur is-sit elettroniku ta’ SEM. Għal mistoqsijiet ibgħat email lil SEM fuq info.sem@gov.mt jew ċempel fuq 2779 7300.