Il-Festival tax-Xjenza u l-Arti fil-Belt

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nindunaw kemm niddependu mix-xjenza u t-teknoloġija fil-ħajja ta’ kuljum; f’kull qasam; il-ħin kollu. Bla ma nindunaw, il-ħin kollu nużaw ix-xjenza u t-teknoloġija biex nikkomunikaw bil-mobile u b’mezzi oħra, kemm jekk inħaddmu l-magna tal-ħasil u apparat ieħor, kemm jekk niġu bżonn xi intervent mediku, tista’ tghid f’kollox. B’hekk, ħajjitna dejjem tinbidel u rridu jew ma rridux irridu nagħżlu jekk inħallux il-bidliet jirkbuna, jew nadattawx għalihom, billi nkunu aħna stess li nitgħallmu ħiliet ġodda.

Din hija t-tema tal-festival annwali tax-Xjenza u l-Arti – Science in the City – li se jsir fil-Belt Valletta nhar id-29 u t-30 ta’ Settembru.

Bit-tema, ‘Inġibu l-Bidla’ (Changemakers), dan il-festival jesponi prattiċi u esperimenti dwar kif ix-xjenza u t-teknoloġija jġibu bidla għall-aħjar u kif aħna nistgħu nkunu parti minn din il-bidla.

Fost l-istands li l-viżitaturi jkunu jistgħu jżuru, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) u Europe Direct Valletta se jtellgħu ‘Rokna tal-UE’ (EU Corner), li fiha jistgħu jaraw kif il-fondi tal-Unjoni Ewropea qegħdin jiġu investiti fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-istudenti mill-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, kif ukoll dwar kif aħna lkoll nistgħu nġibu l-bidla fl-azzjonijiet tal-UE dwar il-klima.

Biżżejjed insemmu żewġ proġetti li se jkunu esebiti fl-istand ‘EU Corner’. Dawn il-proġetti huma finanzjati mill-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni ‘Horizon Europe’. L-ewwel proġett jismu AMPLIFI li qed isir mill-Fakultà tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta. Ir-riċerka li qed issir b’finanzjament mill-UE hi biex jiġi żviluppat materjal, imsejjaħ auxetic polymer li jkun jista’ jintuża fi prodotti ta’ kwalità u li jintużaw f’tagħmir ta’ sikurezza, fil-qasam mediku u anki fl-isport.

Heritage Ecologies huwa proġett ieħor li jittratta kif il-patrimonju kulturali ta’ gżejjer żgħar bħal tagħna jista’ jkollu rwol importanti fl-iżvilupp soċjali u fir-reżiljenza ekoloġika quddiem l-isfida tat-tibdil fil-klima. Il-proġett tal-Istitut għall-Gżejjer Stati Żgħar fl-Univeristà ta’ Malta, jistudja kif it-tibdil fil-klima jolqot is-sit imprezzabbli ta’ Ħaġar Qim.

Fir-rokna tal-UE fil-festival, kull tliet kwarti se tittella’ puppet show fuq is-suġġett. Din se tkun kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u wieħed jista’ jkun jaf aktar dwar kif kulħadd jista’ jkun parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew (EU Green Deal) tal-Unjoni Ewropea, biex sas-sena 2050, l-Ewropa tkun l-ewwel kontinent newtrali għall-klima. Jekk naħdmu flimkien quddiem sfidi kbar u globali bħat-tibdil fil-klima, nistgħu nagħmlu d-dinja post aħjar li ngħixu fih. Il-puppet show hi finanzjata mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.

Kulħadd mistieden iżur il-festival u r-rokna tal-UE waqt il-festival tax-xjenza nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru 2023 bejn is-6pm u l-11pm.

Għal iktar dettalji tista’ tikkuntattjana fuq 2779 7300 jew info.sem@gov.mt.