Il-Fondi tal-Unjoni Ewropea jissarrfu fi proġetti ta’ fejda

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Maniġer, Fondi tal-UE ma’ SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Fl-2021, l-Aġenzija SEM assistiet 90 entità biex japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, b’valur totali ta’ €18-il miljun.

Permezz tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, diversi entitajiet lokali huma eliġibbli sabiex japplikaw u jibbenefikaw mill-programmi ta’ fondi tagħha. Dawn il-programmi ta’ fondi jkopru firxa wiesgħa ta’ proġetti, li jvarjaw minn koperazzjoni u ħbiberija bejn bliet Ewropej u opportunitajiet edukattivi għaż-żgħażagħ, għal proġetti ta’ restawr u tisbiħ fil-lokalitajiet.

Madanakollu, il-proċess ta’ applikazzjoni jista jkun burokratiku, speċjalment għal dawk l-entitajiet li jkunu jridu japplikaw għall-ewwel darba. L-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tagħmilha iktar faċli li organizzazzjonijiet Maltin u Għawdxin jiksbu l-benefiċċji u l-opportunitajiet fl-Unjoni Ewropea fl-aspetti varji tagħha - inklużi l-opportunitajiet ta’ fondi. Għaldaqstant, SEM tgħin entitajiet bla skop ta’ qligħ sabiex jidentifikaw opportunitajiet ta’ fondi għall-proġetti tagħhom u tgħinhom fil-proċess tal-applikazzjoni. Fl-2021, SEM assistiet 90 entità fis-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal fondi tal-Unjoni Ewropea, b’valur totali ta’ €18-il miljun.

L-iskop tal-fondi tal-Unjoni Ewropea jmur lil hinn minn sempliċiment l-ammont ta’ flus miksuba. Huma r-riżultati li dawn il-fondi jħallu fl-esperjenzi personali u t-tagħlim tal-parteċipanti li jiswew aktar mill-flus miksuba. SEM assistiet lill-għaqda taż-żgħażagħ Youths Marsaskala biex jibbenefikaw minn fondi għal proġett ta’ volontarjat fil-komunità lokali tagħhom. Permezz ta’ dan il-proġett, Youths Marsaskala ser ikollhom għajnuna finanzjarja sabiex iwettqu dan il-proġett bil-għan li jippromwovi l-inklużjoni soċjali f’Marsaskala.

SEM assistiet ukoll diversi lokalitajiet sabiex jibbenefikaw minn fondi għal proġetti ta’ infrastruttura għal għanijiet soċjali, bħall-Kunsill Lokali tal-Marsa li applika għal ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien kiseb fondi għat-tisbiħ ta’ Joanne Gardens biex jintuża f’avvenimenti soċjali. U l-Kunsill ta’ Bormla kiseb fondi għal proġett li jippromwovi l-edukazzjoni fost dawk l-iktar f’riskju li ma jkomplux l-edukazzjoni obbligatorja.

L-għajnuna ta’ SEM ma tiqafx mal-proċess li jinkisbu l-fondi. Fl-2021, nidejna servizz ġdid fejn noffru assistenza fl-implimentazzjoni tal-proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Is-sena li għaddiet, 17-il organizzazzjoni ġew megħjuna minn SEM fl-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom f’aspetti differenti tal-proġetti, bħar-rappurtaġġ, il-proċess ta’ pagamenti u sabiex jifhmu t-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli.

Fost l-entitajiet li bbenefikaw minn dan is-servizz, Caritas Malta qegħdin jimplimentaw proġett ta’ taħriġ għal adolexxenti ta' bejn it-12 u s-17-il sena li jabbużaw minn sustanzi illegali. Dawn l-adolexxenti huma residenti fiċ-Ċentru Terapewtiku tal-Ibwar fis-Siġġiewi. Il-proġett jinkludi x-xiri ta’ tagħmir u għamara għaċ-ċentru li jservu ta’ taħriġ fuq il-media diġitali u l-informatika.

L-għaqda bBrave qiegħda tirċievi assistenza minn SEM fil-proġett tagħha biex tagħmel riċerka, tiżviluppa riżorsi u ttella’ kampanja informattiva dwar il-bullying fuq il-post tax-xogħol.

Il-General Workers’ Union mill-banda l-oħra qiegħda tiġi assistita minn SEM fil-proġett tagħhom biex isir studju fuq il-paga minima f’pajjiżna.

L-Aġenzija SEM toffri servizz personalizzat b’attenzjoni individwali. Is-sena li għaddiet kellna mat-375 laqgħa ma’ individwi u entitajiet differenti dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea. F’dawn il-laqgħat nagħtu informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi u s-servizzi offruti mill-Aġenzija. Barra minn hekk, nipprovdu informazzjoni fil-mezzi tax-xandir bħar-radju, it-televiżjoni u l-media soċjali. Norganizzaw ukoll sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar opportunitajiet varji li jkunu miftuħin għall-applikazzjonijiet matul is-sena.

SEM torganizza wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ dwar il-proċess ta’ applikazzjoni, mill-iżvilupp ta’ idea ta’ proġett, sal-kitba tal-applikazzjoni. Dawn is-sessjonijiet iservu sabiex entitajiet varji jtejbu l-għarfien tagħhom dwar il-proċess ta’ applikazzjoni u jħossuhom iktar kunfidenti li japplikaw għall-fondi.

Il-ħidma ta’ SEM tkompli din is-sena li matulha nixtiequ naraw iktar organizzazzjonijiet jisfruttaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea fi proġetti ta’ fejda għall-komunitajiet f’pajjiżna. Għal aktar tagħrif dwar is-servizzi ta’ SEM u kif nistgħu ngħinuk bil-proġetti tiegħek, tista’ tikkuntattjana fuq info.sem@gov.mt jew 2200 3300.