Il-Futur tal-Unjoni Ewropea – X’bidliet hemm bżonn?

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kienet inizjattiva unika li matul l-aħħar sena ħolqot imbuttatura għal bidliet fl-Unjoni Ewropea li jitilqu min-naħa taċ-ċittadini u mhux mill-istituzzjonijiet. Din l-inizjattiva tat l-opportunità liċ-ċittadini u organizzazzjonijiet madwar l-Ewropa biex jaqsmu l-ideat tagħhom għall-futur tal-Unjoni Ewropea.

Il-Konferenza ġiet fi tmiemha fid-9 ta’ Mejju, 2022 – Jum l-Ewropa – bil-preżentazzjoni tar-rapport finali li fih 49 proposta u iktar minn 300 miżura.

Il-proposti huma miġbura taħt disa’ suġġetti, fosthom it-tibdil fil-klima u l-ambjent, is-saħħa, id-demokrazija Ewropea u l-edukazzjoni. Ħafna mill-proposti jaqblu mal-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u jibnu fuq il-ħidma li diġà wettwu jew qegħdin iwettqu l-istituzzjonijiet Ewropej. Min-naħa l-oħra, hemm numru ta’ proposti dwar bidliet fl-istruttura kurrenti tal-Unjoni Ewropea u l-poteri li għandha.

Pereżempju, qiegħed jiġi propost li l-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-oqsma li fihom l-Unjoni Ewropea tista’ taġixxi, jitwessgħu biex l-istituzzjonijiet ikollhom iktar setgħa f’oqsma li tradizzjonalment dejjem kienu fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Waħda minn dawn l-oqsma hi s-saħħa, biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ taġixxi b’mod aktar deċiżiv f’każi ta’ theddidiet li jolqtu ħafna pajjiżi f’daqqa, bħalma kienet il-pandemija.

Fejn jidħol it-teħid tad-deċiżjonijiet, qiegħed ikun propost li l-votazzjoni b’unanimità jiġi sostitwit bil-maġġoranza kwalifikata f’oqsma bħat-tassazzjoni u l-politika komuni barranija u ta’ sigurtà.

Biex jiġu attwati proposti bħal dawn, tinħtieġ bidla fit-Trattati, li mhix ħaġa li ssir mil-lum għal għada, jekk issir.

It-Trattati tal-Unjoni Ewropea huma miftiehma bejn l-Istati Membri u jistabbilixxu l-bażi ta’ kif taħdem l-Unjoni Ewropea, l-oġġettivi tagħha, l-oqsma li fihom tista’ tilleġiżla u kif, ir-regoli li jimxu bihom l-istituzzjonijiet tagħha u kif jittieħdu d-deċiżjonijiet. Għaldaqstant, kull bidla fit-Trattati trid tiġi approvata mis-27 Stat Membru.

L-aħħar riforma fit-trattati kient it-Trattat ta’ Liżbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. Il-proċess li wassal għal din ir-riforma tawwal tmien snin.

Din ir-riforma bdiet fl-2001 bħala riforma kostituzzjonali bit-tfassil tat-Trattat Kostituzzjonali bil-ħsieb li tiġi stabbilita kostituzzjoni għall-Ewropa. Madankollu, dan it-Trattat kien miċħud miċ-ċittadini Ewropej f’żewġ Satti Membri permezz ta’ referendum. B’hekk il-Kunsill Ewropew kien kostrett ifassal riforma ġdida bit-Trattat ta’ Liżbona li ġie ffirmat mill-Istati Membri kollha fl-2007 u daħal fis-seħħ fl-2009.

Din id-darba, b’riżultat tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-Parlament Ewropew diġà adotta riżoluzzjoni fl-4 ta’ Mejju ta’ din is-sena biex jibda proċess għall-bidla fit-Trattati. Dan huwa l-ewwel pass li bih waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tibda dik li tissejjaħ proċedura ordinarja ta’ reviżjoni – proċedura li tintuża biex jiġu emendati t-trattati, fosthom biex jinbidlu l-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħar mill-aħħar, iżda, kull riforma fit-trattati trid tiġi approvata bi qbil unanimu u l-approvazzjoni ta’ kull Stat Membru. Huwa biss bl-approvazzjoni u r-ratifika tal-Istati Membri kollha li jseħħu bidliet fit-Trattati li japplikaw għall-Unjoni Ewropea kollha.

Fil-fatt, diġà bdew jitqajmu dubji kemm jista’ jintlaħaq qbil unanimu mill-Istati Membri biex jiġu attwati proposti li jinħtieġu bidla fit-Trattati. S’issa, hemm grupp ta’ 12-il Satt Membru, fosthom Malta, li mhumiex jaqblu mal-idea ta’ din il-bidla.

Ikun xi jkun ir-riżultat, ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dan l-eżerċizzju massiv tal-Konferenza, għandhom jittieħdu bħala opportunità mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex isiru l-bidliet meħtieġa li ċ-ċittadini Ewropej stess jixtiequ għall-futur tagħhom u tal-Ewropa.