Il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta għal kwalità ta’ ħajja aħjar

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta, approvat mill-Kummissjoni Ewropea, jinkludi 17-il investiment u 30 riforma maħsuba biex jagħmlu lil Malta iktar sostenibbli, reżiljenti u ppreparata għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-bidla ekoloġika u diġitali fis-snin li ġejjin. Biex dan il-pjan iseħħ, Malta ngħatat €316.4 miljun mill-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea. Dan il-finanzjament temporanju huwa fil-qalba ta’ pjan usa’ - NextGenerationEU – li jwassal sal-2026 u jipprovdi finanzjament lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex iwettqu riformi u investimenti skont il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-bidla ekoloġika u diġitali.

Għal dan il-finanzjament, kull Stat Membru kellu jfassal pjan ta’ azzjoni – Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza – li jelenka kif il-fondi kellhom ikunu investiti fil-pajjiż.

Il-biċċa l-kbira tar-riformi u l-investimenti li jindirizzaw l-isfidi għal Malta fejn tidħol il-bidla ekoloġika u diġitali, huma indirizzati direttament biex jolqtu liċ-ċittadini u lin-negozji ż-żgħar fil-Gżejjer Maltin.

Il-Pjan jindirizza l-bidla ekoloġika primarjament bil-qalba tal-mezzi tat-trasport għal vetturi elettriċi bi skemi ta’ għotjiet lil individwi u negozji biex jixtru vetturi elettriċi li ma jniġġsux. Il-Pjan jipprovdi wkoll għax-xiri ta’ 102 karozza tal-linja li jaħdmu bl-elettriku. Dan l-investiment jikkumplimenta l-inizjattiva ta’ trasport pubbliku b’xejn.

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija wkoll parti importanti fil-bidla ekoloġika, bil-Pjan jaħseb għal programm wiesa’ ta’ metodi ta’ effiċjenza fl-enerġija f’bini pubbliku u privat. B’investiment ta’ €60 miljun hu stmat li jnaqqas sew l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

In-negozji diġà bdew igawdu minn dan l-investiment, billi f’Ġunju ta’ din is-sena, il-Ministeru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, nieda skema ta’ €20 miljun lin-negozji, biex il-bini tagħhom ikun iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Fejn tidħol it-tranżizzjoni diġitali, il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza jaħseb biex Malta tindirizza l-isfidi tan-negozji ż-żgħar fejn tidħol id-diġitalizzazzjoni, permezz ta’ riformi u investimenti apposta, kemm fis-settur pubbliku u dak privat. L-investiment hu ppjanat li jolqot 360 kumpanija. S’issa tnidew żewġ skemi għan-negozji biex jimmodernizzaw is-sistemi diġitali fl-operat tagħhom.

Il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza jmur lil hinn mill-aspetti ekoloġiċi u diġitali, b’miżuri li jindirizzaw l-aspetti ekonomiċi u soċjali. Dan se jsir permezz ta’ riformi u pjanijiet li jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet meħtieġa u l-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ. It-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Eċċellenza fl-Edukazzjoni Vokazzjonali (Kampus tal-ITS) mistenni jinkoraġġixxi iktar studenti jkomplu jistudjaw u jitħarrġu f’suġetti vokazzjonali.

Fuq kollox, il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza mhux biss jagħti imbuttatura biex il-pajjiż jilħaq il-miri tal-bidla ekoloġika u diġitali, imma jinkoraġġixxi u jirfed lill-individwi u lin-negozji biex jadattaw għal dawn il-bidliet b’modi tanġibbli u diretti.

Servizzi Ewropej f’Malta tagħti għajnuna u gwida dwar skemi marbuta mal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza. Il-kuntatti huma 2779 7300 jew info.sem@gov.mt.