Inreġġgħu l-arloġġ lura, nirrestawraw in-natura

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

It-temperaturi għoljin, li jdumu ġranet u ġimgħat iħosshom kulħadd. F’diversi pajjiżi, il-konsegwenzi tas-sħana qawwija huma kbar. Il-kawża hija attribwita lit-tisħin globali u lit-tibdil drastiku fil-klima. Imma l-klima hija l-effett u mhux il-kawża. Hija l-effett tal-isfruttament tan-natura mill-bniedem għal mijiet ta’ snin. Fl-aħħar qed nindunaw li l-ambjent qiegħed imur lura b’rata mgħaġġla tant li jasal f’punt li ma jkunx jista’ jirkupra. Qed nindunaw li meta l-bniedem ma jgħixx f’bilanċ u f’sintonija man-natura, ikun hu li jmur minn taħt. Qed nindunaw li ħajjitna tidependi minn ambjent u ekosistemi tan-natura, li minnhom nieklu, nixorbu, nieħdu l-arja u ngħixu u li jekk ma nibżgħux għailhom ħażin għalina.

Fid-dinja huwa stmat li wieħed minn kull ħames pajjiżi huma f’riskju li l-ekosistemi tagħhom jikkrollaw. Fl-Ewropa, 80% tal-abitati ambjentali sejrin lura, b’riskji kbar għan-nies u l-ekonomiji. Biżżejjed ngħidu li speċi minn kull tlieta ta’ naħal u friefet huma fil-periklu.

Il-Kummissjoni Ewropea għadha kemm ipproponiet liġi ġdida biex jiġu restawrati l-ekosistemi qabel ikun tard wisq. Din il-liġi hija waħda minn għexieren ta’ azzjonijiet li qiegħda tieħu fl-hekk imsejjaħ Patt Ekoloġiku Ewropew (European Green Deal) li jiġbru l-isforzi tal-Unjoni Ewropea għall-ħarsien tal-bijodiversità u tal-ambjent.

Il-proposta ta’ liġi tal-Unjoni Ewropea dwar ir-Restawr tan-Natura, tistabbilixxi miri ambizzjużi għall-protezzjoni tan-natura biex jiġi assigurat li jinżamm bilanċ bejn il-bijodiversità u l-ekonomija fis-setturi kollha tagħha. Ir-restawr tal-għadajjar, ix-xmajjar, il-foresti, l-artijiet bil-ħaxix, l-ekosistemi tal-ibħra u l-ispeċi li nsibu fihom, għandu jwassal għaż-żieda fil-bijodiversità, biex nassiguraw li n-natura tibqa’ tlaħħaq mal-proċessi tagħha li bihom ikollna arja u ilma ndaf, ma tinqeridx id-dakra tal-ħxejjex u l-frott, u nipprevjenu d-diżastri naturali.

Il-kriżi tal-klima u d-degradazzjoni tal-bijodiversità huma fost l-ikbar theddidiet għas-sigurtà u l-produzzjoni tal-ikel. Ir-restawr tan-natura jfisser li l-ħamrija u l-art agrikola jerġgħu jieħdu saħħithom b’dipendenza anqas fuq il-pestiċidi u l-fertilizzanti kimiċi. Ifisser ukoll iż-żieda fl-insetti dakkara, jintużaw aktar sistemi naturali flok pestiċidi kimiċi, u jitħawlu aktar siġar li jżommu l-art agrikola milli tinġarr mill-ilmijiet. Ma’ dawn inżidu t-tħaddir tal-bini u l-infrastruttura fl-ibliet u t-tkabbir tal-ħxejjex ta’ qiegħ il-baħar.

Huwa stmat li kull ewro li jiġi investit fin-natura jżid bejn €8 u €38 f’benefiċċji fl-ekonomija. Il-qerda tan-natura, min-naħa l-oħra, tfisser bil-wisq aktar ħsara u konsegwenzi koroh bħalma qegħdin naraw madwarna u fid-dinja. Għalhekk, dawn il-miri jaħsbu għal irkupru ta’ 20% tal-ispazji fuq l-art u fil-baħar bl-ispeċi ta’ ġo fihom sal-2030 u l-irkupru tal-ekosistemi kollha sal-2050.

Biex dawn il-miri jintlaħqu, wara li din il-liġi tidħol fis-seħħ, l-Istati Membri jridu jippreżentaw il-pjanijiet u l-miri tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea, inkluż il-mod kif biħsiebhom jilħquhom.

L-Unjoni Ewropea qiegħda tappoġġja l-azzjonijiet tal-Istati Membri għar-restawr tan-natura b’miljuni ta’ ewro f’fondi li ġejjin mill-fondi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mill-fondi strutturali li jingħataw lill-Istati Membri kull seba’ snin, u mill-Politika Agrikola Komuni u tas-Sajd fost l-oħrajn.

L-investiment fir-restawr tan-natura jġib bidliet pożittivi li huma bil-wisq akbar mill-ispejjeż li jkunu meħtieġa biex tissewwa l-ħsara li qiegħed iġib it-tibdil fil-klima. Il-miżuri li jittieħdu llum qabel għada jissarrfu f’ekosistemi aktar f’saħħithom fl-ambjenti rurali u fl-ibliet. B’hekk biss nassiguraw li jkollna art għammiela, ilma u arja nodfa, sajd u riżorsi naturali sostenibbli u fl-aħħar mill-aħħar klima iktar ħanina magħna.