Investiment fl-edukazzjoni bil-fondi tal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Maniġer, Fondi tal-UE ma’ SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Wieħed mill-benefiċċji tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea (UE) huwa l-moviment ħieles tal-persuni, li jinkludi li wieħed jista’ jgħix, jaħdem u jistudja fi Stat Membru ieħor taħt l-istess kundizzjonijiet bħar-residenti ta’ dak il-pajjiż.

Fost l-inizjattivi tal-UE l-iktar magħrufa fil-qasam tal-edukazzjoni nsibu l-Erasmus Mundus, finanzjata mill-programm Erasmus+, li tagħti ħafna opportunitajiet lil studenti u żgħażagħ biex iwessgħu l-għarfien tagħhom.

Erasmus+ huwa l-programm ewlieni tal-UE fl-oqsma taż-żgħażagħ, l-isport, l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) assistiet diversi entitajiet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi taħt dan il-programm, inklużi għal proġetti li jibbenefikaw studenti, u xi kultant imfassla minn studenti stess.

Fost dawn insibu għaqdiet tal-istudenti bħal JEF Malta - għaqda bbażata fl-Università ta’ Malta li tippromwovi l-għarfien dwar l-UE, speċjalment fost iż-żgħażagħ. SEM assistiet diversi drabi lil JEF Malta tapplika b’suċċess għal fondi mill-Erasmus+. L-iktar riċenti huwa proġett li jagħti lil żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-24 sena ħiliet importanti sabiex jipparteċipaw fil-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew. Meta jingħalaq il-proġett, iż-żgħażagħ se jippreżentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-politiċi lokali kif ukoll lil Membri tal-Parlament Ewropew.

Il-Fondi tal-UE jistgħu jintużaw sabiex jiġi żviluppat materjal għal korsijiet eżistenti jew għal oħrajn ġodda. SEM assistiet lill-MCAST fl-applikazzjoni għal proġett tal-Erasmus+ għal proġett li jiġbor l-esperjenza u l-għarfien ta’ entitajiet minn ħames pajjiżi differenti fil-qasam tal-kowċing sportiv. Il-Proġett jinkludi riċerka fuq l-iżvilupp tat-talent sportiv, l-identifikazzjoni ta’ tagħlim li jista’ jiġi inkorporat f’korsijiet eżistenti tal-kowċing u l-iżvilupp tal-materjal neċessarju.

Entità ewlenija oħra fl-edukazzjoni terzjarja f’pajjiżna hija l-Università ta’ Malta, li ġiet megħjuna minn SEM sabiex tikseb fondi għal proġett li jiffoka fuq l-industrija tal-ikel. Dan il-proġett, imwettaq bejn entitajiet minn erba’ pajjiżi differenti, jikkonċerna t-tagħlim ta’ studenti u għalliema dwar teknoloġiji ġodda li jistgħu jintużaw fl-industrija tal-ikel. Dan il-proġett qed iservi wkoll ta’ proġett pilota għall-użu tat-teknoloġija f’din l-industrija, li tkun tista’ wkoll tiġi mgħoddija lil akkademiċi u professjonisti f’dan il-qasam.

L-Erasmus+ jiffinanzja wkoll proġetti li jinvestu fit-titjib tal-ħiliet professjonali tal-għalliema, permezz ta’ korsijiet jew taħriġ professjonali ieħor. Tul is-snin, SEM assistiet diversi skejjel sabiex jibbenefikaw minn fondi għat-taħriġ tal-għalliema, inkluż iċ-Ċentru tar-Riżorsi San Miguel. Dan iċ-Ċentru hu wieħed miċ-ċentri edukattivi tal-gvern li jassisti tfal bi bżonnijiet speċjali, permezz ta’ tagħlim, terapiji u attivatijiet multisensorjali maħsubin speċifikament għalihom. Permezz ta’ fondi mill-Erasmus+, iċ-Ċentru pparteċipa f’diversi proġetti ma’ skejjel barranin għall-qsim ta’ ideat u riżorsi għat-tagħlim ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali. Wieħed minn dawn il-proġetti ffoka fuq l-użu tar-reċtar bħala mezz ta’ tagħlim fil-klassi.

Kif jixhdu dawn il-proġetti, il-fondi tal-UE jkopru diversi oqsma u joffru għażla wiesgħa ta’ opportunitajiet lil żgħażagħ u studenti biex jagħmlu esperjenzi edukattivi. Jeżistu wkoll opportunitajiet għal entitajiet edukattivi biex jikkoperaw ma’ entitajiet barranin, jesploraw metodi ġodda u innovattivi fl-edukazzjoni. Fir-rigward tal-proġetti msemmija f’dan l-artiklu, l-għan aħħari huwa t-titjib tal-esperjenza edukattiva tal-istudenti.

L-Aġenżija SEM tipprovdi informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi u tgħin entitajiet sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw dawk il-programmi li l-iktar jgħoddu għall-entità tagħhom. L-Aġenzija tista’ wkoll tassisti fil-mili tal-applikazzjonijiet għall-fondi tal-UE u l-implimentazzjoni tal-proġetti kofinanzjati mill-UE.

Għal aktar tagħrif dwar fondi tal-UE u kif SEM tista’ tgħinek, tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300, info.sem@gov.mt jew billi żżur is-sit elettroniku tagħna sem.gov.mt.