Malta tinvesti fin-nies bil-fondi tal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Maniġer, Fondi tal-UE, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Matul dawn il-ġimgħat, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tapprova l-pjanijiet tal-gvern dwar kif se jiġi investit il-pakkett ta’ €2.25 biljun li l-gvern kien innegozja mal-Unjoni Ewropea għal Malta bejn l-2021 u l-2027.

Dawn il-fondi, imsejħa fondi strutturali jitqassmu mill-gvern Malti fuq perjodu ta’ seba’ snin biex jindirizzaw l-iżvilupp u l-kwalità tal-ħajja f’diversi oqsma, b’mod partikolari l-isfidi marbutin mat-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni u l-aspetti soċjali.

Fil-fatt, iktar kmieni dan ix-xahar, il-Kummissjoni Ewropea approvat il-pjan tal-gvern għall-Fond Soċjali Ewropew+ li jammonta għal kważi €205 miljun. Dan il-pjan jiffinanzja proġetti ta’ investiment għat-titjib tal-ħiliet, fl-edukazzjoni, fl-impjiegi u fl-inklużjoni soċjali.

Fi ftit kliem, il-programm jinvesti fin-nies, li huma l-iktar riżors importanti għal Malta. Dawn il-fondi mistennija jtejbu l-kapaċità ta’ pajjiżna sabiex jadatta għal bżonnijiet ġodda u jkun ippreparat għall-isfidi tal-ġejjieni.

L-edukazzjoni u t-tisħiħ tal-ħiliet huma importanti għall-impjiegi u l-ekonomija, għaliex permezz ta’ investiment fil-ħiliet, l-edukazzjoni twassal sabiex l-individwi jsaħħu l-opportunitajiet ta’ xogħol u għaldaqstant tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija.

€53.5 miljun mill-għotja għal Malta hija dedikata għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-edukazzjoni tul il-ħajja kollha, kif ukoll l-inklussività f’dawn l-oqsma. Ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola tibqa’ problema persistenti għal pajjiżna, u għaldaqstant proġetti li jindirizzaw din il-problema jingħataw prijorità.

€24.3 miljun huma allokati għat-titjib fl-impjiegi, kemm għall-ħolqien ta’ iktar opportunitajiet ta’ xogħol kif ukoll biex dawk li huma vulnerabbli jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Ser tiġi varata wkoll inizjattiva ġdida għal żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjiegi jew it-taħriġ.

Il-pjan jaħseb ukoll biex jiġu finanzjati proġetti fl-oqsma tas-saħħa u dak soċjali. €40 miljun huma riservati għal proġetti ta’ inklużjoni u innovazzjoni soċjali. Dawn il-fondi ser jassistu dawk fil-faqar, f’riskju ta’ faqar jew li huma vulnerabbli sabiex jintegraw fis-soċjetà, fosthom persuni b’diżabilità, immigranti u/jew dawk li jbatu bi problemi tas-saħħa.

Il-fondi huma mmaniġġjati minn entità li taqa’ taħt is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, li fis-snin li ġejjin ser tkun qed toħroġ sejħiet biex jiġu proposti proġetti skont il-prijoritajiet varji msemmija hawn fuq, li għalihom ikunu jistgħu japplikaw entitajiet interessati li jibbenefikaw minn dawn il-fondi.

L-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) min-naħa tagħha tassisti, kif għamlet fl-aħħar snin, biex diversi entitajiet jibbenefikaw minn dawn il-fondi bl-għajnuna li tagħtihom kemm waqt il-proċess ta’ applikazzjoni u wkoll fil-fażi tal-implimentazzjoni. Fost dawn l-entitajiet insibu lil bBrave, l-ewwel għaqda volontarja f’Malta li ġiet stabbilita biex tiġġieled il-bulliżmu.

Bl-għajnuna ta’ SEM, bBrave kisbet fondi sabiex isir studju nazzjonali dwar il-bulliżmu fuq il-post tax-xogħol, jitfasslu riżorsi kontra l-bulliżmu li jistgħu jitqassmu fost l-intrapriżi u ssir kampanja fuq livell nazzjonali biex titqajjem kuxjenza dwar dan is-suġġett.

Studju kkummissjonat mill-Parlament Ewropew fl-2018 sab li bejn ħamsa u 10% tal-Ewropej huma vittmi tal-bulliżmu fuq il-post tax-xogħol. B’dan il-proġett, l-għaqda tixtieq tqajjem iktar kuxjenza dwar il-bulliżmu, b’mod partikolari s-serjetà tal-bulliżmu fuq ix-xogħol li jaf ma jiġix trattat bl-istess mod bħall-bulliżmu fost it-tfal.

SEM qiegħda tiggwida wkoll lil bBrave biex twettaq dan il-proġett billi tifhem it-termini u l-kundizzjonijiet marbutin mal-infiq tal-għotja tal-fondi mill-Unjoni Ewropea.

SEM tista’ toffri iktar informazzjoni dwar fondi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tassisti fil-proċess ta’ applikazzjoni u t-twettiq ta’ proġetti. Min hu interessat jista’ jikkuntattja lil SEM fuq 2779 7300, info.sem@gov.mt jew billi jżur is-sit sem.gov.mt.