Nagħmlu l-fondi tal-UE iktar magħrufa

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Bil-fondi tal-Unjoni Ewropea jsiru proġetti f’kull qasam tal-ħajja. L-iskop tagħhom mhux l-ammonti li nirċievu fihom infushom, imma kemm permezz tagħhom jirnexxilna nużaw ir-riżorsi aħjar, kemm flimkien nindirizzaw sfidi komuni u kemm jagħtu valur miżjud lill-kwalità ta’ ħajja tagħna.

Huma dawn l-għanijiet li bħala Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) jmexxuna fl-isforzi tagħna biex nagħmlu l-benefiċċji tal-fondi tal-UE iktar magħrufa. Fost l-inizjattivi li qegħdin nieħdu, qegħdin norganizzaw żjarat f’siti u proġetti li bbenefikaw mill-fondi tal-UE.

Dawn iż-żjarat huma parti mix-xogħol tagħna li nagħmlu l-fondi Ewropej iktar aċċessibbli għal firxa wiesgħa ta’ nies u nippromwovuhom bi stejjer ta’ suċċess li jġibu bidla għall-aħjar tista’ tgħid f’kull qasam tal-ħajja.

Għat-tieni sena konsekuttiva, SEM qiegħda torganizza żjarat għall-istudenti ta’ skejjel sekondarji f’siti li fihom saru proġetti kofinanzjati mill-UE. Fl-ewwel ġimgħa ta’ Mejju, ħadna studenti mill-iskejjel sekondarji tal-Kulleġġi San Nikola f’Ħad-Dingli u Santa Klara f’Pembroke fuq żjarat fir-Riserva Naturali tas-Salina u l-BirdPark Malta. Fil-mixja bejn park u ieħor għaddejna minn Triq il-Kosta li hija parti mill-katina ta’ toroq imsejħa TEN-T (Trans-European Transport Networks). Dawn iż-żjarat jagħtu l-opportunità lill-istudenti jesperjenzaw direttament il-modi kif il-fondi tal-UE jagħmlu differenza.

Il-park tas-Salina, li fost l-oħrajn iservi ta’ waqfa għall-għasafar li jkunu jpassu lejn it-tramuntana tal-Ewropa, ġie rijabilitat permezz ta’ proġett ta’ ‘l fuq minn €7 miljuni f’fondi tal-UE taħt il-Fond Ewropew Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013.

Il-kunċett wara BirdPark Malta jgħaqqad l-ambjent rurali mal-edukazzjoni, billi jagħti esperjenza lill-viżitaturi permezz tal-200 speċi ta’ għasafar u annimali li jinsabu fil-Park. Il-fondi tal-UE mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali għamluha possibbli li l-Park mhux biss isir imma wkoll jgħolli l-prodott turistiku lokali għal Malta 2007-2013. Bil-fondi mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali u l-Għotja mill-Politika ta’ Koeżjoni setgħu jsiru sistemi ta’ enerġija effiċjenti.

Il-fondi tal-UE ntużaw ukoll biex inbniet Triq il-Kosta u toroq arterjali oħra, li ġew imtejba u attrezzati b’sistemi ta’ iktar sikurezza, waqt li jgħaqqdu l-pajjiż permezz tan-network ta’ toroq minn naħa għal oħra tal-pajjiż, inkluż Għawdex, għall-benefiċċju tal-ekonomija.

Dan hu li kellhom xi jgħidu l-istudenti dwar dawn iż-żjarat: “Il-fondi tal-UE jiswew ħafna għas-siti li żorna. Mingħajrhom ma kienx isir il-progress li sar u kien ikun iktar diffiċli li jinbidlu għall-istat li huma llum.”

“Minn din l-esperjenza sabiħa, personalment inħossni iktar espost u iktar edukat dwar din it-tema. Inħossni wkoll kburi li jien Malti u li l-UE tagħti lil pajjiżna l-opportunità lill-organizzazzjonijiet jagħmlu dak li jagħmlu.”

Fuq din il-linja, SEM qiegħda wkoll torganizza żjarat bir-roti lejn siti kofinanzjati mill-fondi tal-UE. Dawn iż-żjarat għall-adulti joħorġu b’mod differenti l-investimenti li jsiru bil-fondi Ewropej.

Waqt l-ewwel minn dawn iż-żjarat, fit-30 ta’ April, il-parteċipanti żaru l-Park Arekeloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra u l-Park ta’ Wied Fulija. U għandna żewġ żjarat oħra ppjanati għall-21 ta’ Mejju f’Malta u għall-4 ta’ Ġunju f’Għawdex.

Fit-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Ġganitija, bil-fondi tal-UE saru ċ-ċentri għall-viżitaturi u tined protettivi. B’hekk, is-siti saru iktar protetti mill-elementi u jistgħu jagħtu esperjenza aħjar lill-viżitaturi.

Sit ieħor li se nżuru hija ċ-Ċittadella f’Għawdex, liema sit ġie rijabilitat u restawrat b’investiment ta’ ‘l fuq minn €14-il miljun. Il-proġett reġa’ ta l-ħajja lil din il-ġawhra ta’ patrimonju f’Għawdex li tagħni l-identità kulturali ta’ pajjiżna, waqt li żżid it-turiżmu u ttejjeb l-esperjenza tal-viżitaturi. Ta’ min jgħid li dan kien l-ewwel proġett finanzjat mill-UE li rebaħ il-Premju REGIOSTARS.

Iktar eżempji ta’ proġetti b’fondi Ewropej jinsabu fis-sit fondi.eu.

Kull min jixtieq jingħaqad magħna fiż-żjarat bir-roti li jmiss, jista’ jżur is-sit elettroniku ta’ SEM u jirreġistra biex jipparteċipa kemm il-Ħadd 21 ta’ Mejju f’Malta u kemm il-Ħadd 4 ta’ Ġunju f’Għawdex. Għal iktar informazzjoni SEM tintlaħaq bl-email info.sem@gov.mt jew bit-telefown 2779 7300.