Nagħmlu l-iskart riżors – bil-fondi tal-UE u bis-sehem tagħna

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, ftit tal-ġranet ilu ġie inawgurat proġett ta’ €20 miljun, li €13.3 miljun minnhom ġejjin mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea li se jiffoka fuq l-immaniġġjar tal-iskart bħall-injam, is-saqqijiet, it-tessuti, il-ħġieġ ċatt, tagħmir elettriku u elettroniku, il-jablo, il-ġips, u t-tyres. Il faċilità li nfetħet f’Ħal Far, mistennija tirkupra kważi 20,000 tunnellata ta’ skart sal-2029.

Fl-Unjoni Ewropea, niġġeneraw iktar minn 2.5 biljun tunnellata ta’ skart kull sena. Mill-ippakkeġġjar biss, kull persuna hu stmat li tiġġenera mal-180kg. Biżżejjed ninnutaw kemm skart ta’ kull għamla u tip noħorġu wara biebna ta’ kuljum, biex nindunaw kemm individwalment niġġeneraw skart.

L-iskart li narmu jrid jinġabar u jmur xi mkien. Ma stajniex nibqgħu nimlew il-miżbliet bla ma nindunaw li jekk l-iskart ma jibdiex jitqies bħala riżors, konna se naslu f’punt fejn l-iskart jitlagħlna fuq rasna. Waqt li l-istil ta’ ħajja tagħna baqa’ dejjem ibbażat fuq il-konsum, indunajna li l-mentalità ta’ ‘uża u armi’ qed iġġib ħafna effetti negattivi fuq l-istess kwalità ta’ ħajja li qed ngħixu u l-ambjent ta’ madwarna. Biżżejjed insemmu l-użu eċċessiv tal-plastik, li qiegħed jagħmel ħsara kbira lill-ambjent u lil saħħitna.

Minħabba f’hekk, illum nitkellmu fuq l-importanza ta’ stil ta’ ħajja u ekonomija ċirkulari. Dan ifisser li l-iskart li niġġeneraw jiġi riċiklat, imsewwi, jew użat mill-ġdid, biex kemm jista’ jkun tittawwal il-ħajja tal-materjali u l-prodotti li nużaw.

Ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-prodotti jnaqqsu d-dipendenza fuq ir-riżorsi naturali, inaqqsu l-ħsara fuq il-bijodiversità u jnaqqsu l-ħsara li qed issir biż-żieda fit-temperatura tad-dinja minħabba l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera.

Fi ftit kliem, jinħtieġ li nnaqqsu l-iskart kemm jista’ jkun. U din hija xi ħaġa li kulħadd, mill-kbir saż-żgħir jista’ jagħmilha. Nibdew mill-manifattura ta’ prodotti iktar effiċjenti u sostenibbli, inkomplu bit-tnaqqis tal-ammont ta’ skart li niġġeneraw u nispiċċaw fir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ kemm jista’ jkun prodotti li nikkunsmaw.

L-effetti pożittivi tal-isforzi li nagħmlu biex innaqqsu l-iskart u nirriċiklawh huma favur tagħna. Imma dawn jiġu bil-bdil tal-mentalità ta’ kif niddisponu mill-iskart u b’modi ġodda ta’ kif jiġu disinjati u maħduma l-prodotti li nikkunsmaw, biex iservu aktar u fl-aħħar mill-aħħar niffrankaw il-flus.

F’pajjiżna diġà ttieħdu ħafna azzjonijiet u saru proġetti u kampanji, biex jindirizzaw din il-problema u jbiddlu l-mentalità tagħna fil-mod kif nittrattaw l-iskart li niġġeneraw.

F’dan għenuna ħafna l-fondi tal-Unjoni Ewropea matul is-snin, biex skont direttivi tal-Unjoni Ewropea u l-istrateġija nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart, nilħqu l-miri stabbiliti f’dan ir-rigward sal-2035.

Matul is-snin li Malta ilha fl-Unjoni Ewropea, fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart ġew investiti minn fondi Ewropej u nazzjonali, mal-€120 miljun fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ, mal-€35 miljun fir-rijabilitazzjoni tal-miżbliet, mat-€12-il miljun fl-immaniġġjar tal-iskart domestiku u mal-€10 miljuni f’impjant tat-trattament tal-iskart mill-ipproċessar tal-annimali.

B’investiment ta’ €4.5 miljun, dik li kienet miżbla f’Wied Fulija nbidlet f’park pubbliku u ċentru tal-bijodiversità, li joffri ċans lill-familji jgawdu s-sbuħija tan-natura.

Permezz tal-impjant tal-irkupru ta’ diversi materjali f’Ħal Far, aktar minn 190,000 tunnellata ta’ materjal mhux riċiklabbli se jiġu trasferiti mill-miżbliet u jinbidlu f’enerġija nadifa li se tlaħħaq għal madwar 4.5% tal-enerġija meħtieġa f’Malta.

Il-faċilità se ttejjeb il-kapaċità tal-immaniġġjar tal-iskart ta’ Malta billi l-materjal li jista’ jiġi rkuprat ma jispiċċax il-miżbla u minflok jidħol fl-ekonomija ċirkulari. Mal-74,000 tunellata ta’ skart organiku se jiġu mibdula f’kompost u f’enerġija rinnovabbli fis-snin li ġejjin.

Huwa dmir ta’ kull wieħed u waħda minna li nkomplu nagħtu sehemna, biex nibnu fuq dak li nkiseb fl-aħħar snin bit-tnaqqis u r-riċiklaġġ tal-plastik, fl-immaniġġjar tal-iskart organiku u fis-separazzjoni tal-iskart. Kull wieħed u waħda minna nistgħu nagħmlu sforzi kbar u żgħar biex l-investiment li qed isir bil-fondi Ewropej fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna u tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.