Nikkontrollaw l-Iskart bil-fondi Ewropej

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Huwa evidenti li s-sistemi attwali ta' produzzjoni u konsum tagħna mhumiex sostenibbli. Fatturi bħat-tkabbir tal-popolazzjoni, modi ineffiċjenti ta' produzzjoni, u rata ogħla ta' konsum wasslu għall-estrazzjoni eċċessiva ta’ riżorsi naturali, li aktar ma jmur, inqas issir sostenibbli u tħalli effetti negattivi kbar fuq l-ambjent.

Il-bidla għal ekonomija aktar ċirkulari, fejn il-materjali u l-prodotti jinżammu fiċ-ċirkulazzjoni għall-itwal żmien possibbli waqt li l-iskart iġġenerat jinżamm għall-ammonti minimi, huwa element kruċjali tas-sostenibbiltà. Il-fondi tal-UE, permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE huma essenzjali biex l-ekonomija ċirkulari ssir realtà. Bejn l-2014 u l-2020, Malta bbenefikat minn aktar minn €1 biljun, li minnhom, il-pajjiż tejjeb is-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart u l-prattiċi ta’ sostenibbiltà, fost l-oħrajn.

Matul is-snin, minħabba diversi raġunijiet, Malta kienet waħda mill-iktar pajjiżi tal-UE li tiġġenera skart ras għal ras. L-iskart kien jintrema fil-miżbliet u r-riċiklaġġ kien isir mill-inqas. Ma setax jonqos li d-daqs tal-popolazzjoni, l-ispazju limitat tal-art u l-ispejjeż għoljin biex l-iskart jiġi riċiklat, jagħmluha iktar diffiċli li l-iskart jiġi kkontrollat. Iżda minħabba r-regoli tal-UE li mmorru lejn ekonomija ċirkulari, Malta riedet tara kif tagħmel biex tibdel il-modi, il-faċilitajiet u l-prattiċi kif timmaniġġja l-iskart.

L-aħħar proġett li tlesta mill-Wasteserv huwa l-Multi-Materials Recovery Facility (MMRF) f’Ħal Far, b’investiment ta’ madwar €13.3 miljun minn fondi tal-UE. Il-Faċilità ser tiżviluppa modi alternattivi ta' ġbir ta' skart, bil-għan li jiġi ppreparat u maħżun sabiex ikun lest biex jintbagħat għar-riċiklaġġ u l-esportazzjoni.

Ġiet żviluppata wkoll faċilità ġdida għall-irkupru tal-materjal fil-Kumpless ECOHIVE permezz tal-appoġġ ta’ madwar €1.45 miljun f’finanzjament tal-UE. Din il-faċilità, li bdiet topera minn din is-sena, se tkun qed tipproċessa madwar 40,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli kull sena, u tissepara tipi differenti ta’ metall, kartun, u plastik b’mod awtomatizzat sabiex dawn ikunu jistgħu jintbagħtu lura fis-suq bħala parti mill-ekonomija ċirkulari.

L-Impjant tat-Trattament tal-Iskart ta’ Sant’ Antnin ġie żviluppat ukoll permezz tal-appoġġ ta’ fondi tal-UE, b’investiment ta’ €5 miljun. Dan l-impjant jippermetti lill-bdiewa jarmu l-iskart tal-irziezet b’mod aktar sostenibbli, li mbagħad iwassal għal żieda fil-produzzjoni ta’ ilma li jista’ jintuża għall-biedja.

Permezz ta’ investiment ta’ €7.5 miljun, twaqqfet ukoll il-Faċilità ta’ Trattament u Trasferiment tal-Iskart f’Għawdex f’Tal-Kus. Il-proġett jikkonsisti prinċipalment minn faċilità kkontrollata għar-riċeviment, l-għażla u t-trasport ta’ skart mhux perikoluż li ġej minn Għawdex u Kemmuna.

Permezz ta’ fondi tal-UE, ittieħdu għadd ta’ inizjattivi biex jitjiebu l-prattiċi tas-separazzjoni tal-iskart mill-pubbliku. Is-separazzjoni tal-iskart ġiet imħeġġa permezz ta’ proġett ta’ €6.9 miljun li jipprovdi lid-djar, l-iskejjel u lis-settur pubbliku kontenituri ta’ kuluri u tikketti differenti. Biex jitqajjem aktar għarfien saret ukoll kampanja edukattiva ‘Sort It Out’ biex isseħħ il-bidla lejn l-immaniġġjar aktar sostenibbli tal-iskart.

Fis-siti ta’ amenità ċivika ta’ Ħal Far, Ħal Luqa, l-Imrieħel f’Malta u Tal-Kus f’Għawdex ġew żviluppati wkoll ċentri ta’ użu mill-ġdid, li permezz tagħhom il-pubbliku jkun jista’ jakkwista oġġetti użati li għadhom f’kundizzjoni tajba, biex jinkoraġġixxi l-użu aħjar tar-riżorsi eżistenti.

Permezz ta’ fondi tal-UE, il-pubbliku issa jista’ wkoll igawdi minn żoni ġodda ta’ rikreazzjoni u spazji miftuħa li ġew żviluppati fuq miżbliet rijabilitati. Proġett iffinanzjat mill-UE ta’ €15.6 miljun ippermetta r-rijabilitazzjoni u r-restawr ta’ numru ta’ miżbliet magħluqa, jiġifieri l-miżbliet tal-Magħtab u ta’ Marsascala f’Malta u l-miżbla Tal-Qortin f’Għawdex. Ġew investiti wkoll madwar €3.8 miljun fir-rijabilitazzjoni estensiva tal-miżbla li kienet tinsab f’Wied Fulija.

Filwaqt li l-UE tgħin lil pajjiżna jiffinanzja l-bidla għal ekonomija aktar ċirkulari, ir-responsabbiltà tal-immaniġġjar tal-iskart għandha tkun ukoll dmir ta’ kull ċittadin. Għalhekk huwa f'idejna li nisseparaw, innaqqsu, nużaw mill-ġdid u nirriċiklaw l-iskart, filwaqt li nevitaw li nħammġu l-ambjent, u nnaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart biex naċċertaw il-kontribut pożittiv tagħna lejn pjaneta aħjar.

Jekk tixtieq aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE, tista’ tikkuntattjana bil-mistoqsijiet tiegħek permezz tal-email fuq info.sem@gov.mt, jew billi ċċemplilna fuq 2779 7300. Għal aktar informazzjoni tista’ wkoll iżżur il-websajt fondi.eu.