Ngħaqqdu l-Fruntieri – il-Potenzjal tal-Ġemellaġġi

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Bħala kontinent għani b’kulturi, storja, lingwi u tradizzjonijiet diversi, l-Ewropa hija eżempju tal-għaqda permezz ta’ valuri u rabtiet kulturali komuni.

Il-ġemellaġġi bejn l-ibliet huwa mod wieħed kif tiġi espressa din id-diversità billi jitlaqqgħu flimkien nies minn bliet u rħula Ewropej differenti biex jippromwovu l-kulturi, l-iżvilupp ekonomiku u l-ftehim reċiproku.

Il-ġemellaġġi bejn l-ibliet u l-irħula jinvolvi ftehimiet u arranġamenti formali li jinvolvu ċ-ċittadini Ewropej f’diversi forom ta’ kollaborazzjoni. Dawn il-ftehimiet spiss jinkludu skambji kulturali, sħubijiet edukattivi, inizjattivi ta’ koperazzjoni ekonomika, u proġetti konġunti li jindirizzaw sfidi komuni.

Permezz tad-diversi mekkaniżmi ta’ finanzjament tagħha, l-Unjoni Ewropea tappoġġja inizjattivi li jippromwovu t-tkabbir, l-innovazzjoni, u l-koeżjoni soċjali madwar l-Istati Membri. Dawn l-inizjattivi jistgħu jseħħu permezz tal-ġemellaġġi bejn l-ibliet, li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ rabtiet bejn pajjiżi differenti tal-UE.

Bħalissa, is-sejħa għal applikazzjonijiet għall-Ġemellaġġi, mill-programm ta’ finanzjament ‘Iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV)’ hija miftuħa. Is-sejħa għandha baġit ta’ €4 miljun u hija miftuħa għal firxa varjata ta’ entitajiet inklużi kunsilli reġjonali, intrapriżi, kunsilli lokali, entitajiet tal-gvern jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u istituzzjonijiet edukattivi jew dawk ta’ riċerka. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu sad-19 ta’ Settembru 2024.

Proġett ta’ ġemellaġġ li ngħata finanzjament mill-UE, bl-għajnuna ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), laqqa’ flimkien il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u l-Comune di Augusta fi Sqallija. Dawn iż-żewġ bliet iffukaw fuq l-importanza tal-wirt kulturali kemm fil-kuntest lokali kif ukoll dak Ewropew, u dwar kif jiżguraw il-preservazzjoni tal-bliet tagħhom fl-era moderna. L-għan ewlieni tal-proġett kien li jtejjeb il-fehim u l-involviment taċ-ċittadini fid-diskussjonijiet dwar il-wirt kulturali kemm fil-kuntest lokali kif ukoll f’dak Ewropew. Iċċentrat fuq tradizzjonijiet komuni, bħaċ-ċelebrazzjoni reċiproka tal-festa ta’ San Duminku, l-attivitajiet ta’ ġemellaġġ iffaċilitaw skambju kulturali, tagħlim reċiproku, u iżvilupp ta’ inizjattivi futuri. Il-qofol ta’ dawn l-isforzi kien ikkaratterizzat minn attività ta’ ġemellaġġ bejn l-ibliet f’Augusta, immirata lejn is-sensibilizzazzjoni, l-involviment taċ-ċittadini f’diskussjonijiet li jħarsu ‘l quddiem, u t-tisħiħ ta’ rabtiet b’saħħithom bejn iż-żewġ bliet permezz tal-iffirmar ta’ ftehim ta’ ġemellaġġ.


Lil hinn mill-iskambji kulturali, l-inizjattivi ta’ ġemellaġġ f’Malta għandhom ukoll benefiċċji prattiċi f’termini ta’ żvilupp ekonomiku. Pereżempju, SEM għenet lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan biex jakkwista fondi tal-UE għall-ġemellaġġ mal-Comune di Piazza Armerina, l-Italja. Il-ġemellaġġ, iffaċilitat mill-NGO ‘The Islanders’, kellu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet turistiċi bejn iż-żewġ lokalitajiet fost l-isfidi tal-COVID-19. Il-proġett kien jinkludi sensiela ta’ attivitajiet, inklużi seminars li rawmu djalogu u skambju tal-aħjar prattiki bejn il-partijiet interessati miż-żewġ lokalitajiet.


Il-qofol tal-proġett kien l-avveniment ta’ ġemellaġġ ta’ tlett ijiem li sar f’Malta li involva kemm lin-nies tal-lokal kif ukoll lit-turisti, li rawwem skambju kulturali u apprezzament reċiproku bejn iż-żewġ komunitajiet, li ppromwova t-tkabbir ekonomiku, li kien ta’ benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għar-residenti.

Il-ġemellaġġi mhumiex biss dwar il-bini ta’ relazzjonijiet bejn il-muniċipalitajiet iżda wkoll dwar it-trawwim ta’ konnessjonijiet bejn in-nies. Permezz ta’ skambji taż-żgħażagħ, programmi ta’ volontarjat, u proġetti soċjali, il-ġemellaġġi ħolqu opportunitajiet għaċ-ċittadini minn pajjiżi differenti b’kulturi differenti, wessgħu l-orizzonti tagħhom u kattru s-sens ta’ ċittadinanza globali.

Hekk kif Malta tkompli tħaddan il-ġemellaġġi bejn l-ibliet u l-irħula, il-benefiċċji huma evidenti. Dawn is-sħubijiet mhux biss isaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta fix-xena globali iżda wkoll jagħnu l-ħajja taċ-ċittadini tagħha billi jippromwovu d-diversità kulturali, il-prosperità ekonomika, u l-fehim transkulturali. Il-ġemellaġġi jservi bħala għodda b’saħħitha għall-bini ta’ pontijiet u għall-ħolqien ta’ ħbiberiji dejjiema bejn il-fruntieri.

Hekk kif is-sejħa għall-applikazzjonijiet għadha miftuħa, l-organizzazzjonijiet huma mħeġġa biex jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità biex flimkien isawru futur aħjar.

Servizzi Ewropej f’Malta toffri gwida u riżorsi li qegħdin hemm biex jassistu l-vjaġġ ta’ ġemellaġġ. L-email ta’ SEM hu info.sem@gov.mt u t-telephone 2779 7300.