#noħlomlixidarba: Ktieb ġdid għall-istudenti dwar il-valuri tal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont


Għat-tieni sena konsekuttiva, Servizzi Ewropej f’Malta u Europe Direct Valletta ppubblikajna ktieb dwar il-valuri tal-Unjoni Ewropea. Dan il-ktieb, bit-titlu ‘#noħlomlixidarba’ huwa mmirat għal studenti ta’ bejn l-14 u l-15-il sena u jsegwi l-ewwel pubblikazzjoni tagħna tas-sena l-oħra, ‘Mas-Siġra tal-Ballut’ għal studenti ta’ 11 u 12-il sena.

Għaliex #noħlomlixidarba?

Il-ktieb il-ġdid huwa bbażat fuq il-ħolm u l-aspirazzjonijiet ta’ grupp ta’ żgħażagħ li jgħixu fi blokka ta’ appartamenti. Permezz ta’ 10 stejjer fittizji u qosra dwar il-ħajja ta’ kuljum ta’ dan il-grupp ta’ ħbieb, l-awtriċi Clare Azzopardi, twassal lill-qarrejja biex faċilment jidentifikaw lilhom infushom mal-karattri tal-istejjer tal-ktieb, bil-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom. L-istejjer huma mżewqa b’illustrazzjonijiet dwar il-karattri minn Naomi Gatt.

Kull storja, li hi marbuta ma’ karattru partikolari, toħroġ valuri marbuta mal-Unjoni Ewropea. Il-karattri – Kat, Vik, Seph, Lea, Ben, Ter, Jes, Sal, Ken u Per - għandhom ħafna ħolm li jixtiequ jwettqu f’ħajjithom u lesti jaħdmu biex iwettquhom, flimkien ma’ sħabhom. Iktar minn hekk, il-grupp jiffaċċja sfida komuni u permezz tal-għaqda u l-ħbiberija ta’ xulxin jirnexxilhom jgħinu lil Sam joħroġ minn problema li kellu. Inħallu f’idejn il-qarrejja biex jiskopru x’kienet il-problema u kif jirnexxilhom isolvuha.

Il-ħsieb ewlieni wara l-istejjer tal-ktieb hu li fl-Unjoni Ewropea, iż-żgħażagħ isibu l-appoġġ biex iwettwu l-ħolm tagħhom, kemm għalihom infushom u kemm għall-ġid tas-soċjetà li jgħixu fiha. Biex ngħinu lill-qarrejja jaslu għal dan, wara kull storja, il-qarrejja jsibu paġna illustrata bi kwotazzjoni, referenza u ħolqa bi QR code għal iktar tagħrif dwar dak li twettaq l-Unjoni Ewropea fil-qasam partikolari li joħroġ mill-istorja.

It-temi li joħorġu mill-ktieb huma: l-għaqda fid-diversità tal-pajjiżi u ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji tal-moviment ħieles, il-multikulturaliżmu, l-inklużjoni, l-ugwaljanza, id-demokrazija, il-ħarsien ambjentali, l-azzjoni favur il-klima u l-iżvilupp sostenibbli, l-opportunitajiet ta’ studju u xogħol, l-iżvilupp diġitali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-volontarjat, l-isport, ir-responabbiltà ċivika u ċ-ċittadinanza attiva. 

Il-qarrejja jagħrfu li huma ċittadini ta’ Ewropa li hi bil-wisq ikbar mill-konfini ta’ gżiritna, mhux biss ġeografikament u f’termini ta’ popolazzjoni, imma wkoll f’dik li hi diversità ta’ kulturi u ideat, opportunitajiet u benefiċċji. Minkejja dawn id-diversitajiet hemm valuri komuni li xtaqna li joħorġu f’dan il-ktieb.

Il-ktieb nidejnieh f’attività li kellna fis-16 ta’ Novembru bil-parteċipazzjoni ta’ tliet studenti mill-Iskola Sekondarja tal-Mosta, tal-Kulleġġ Marija Reġina. Flimkien mal-awtriċi,  Mariah Bonnici, Ilona Schembri u Ailey Incorvaja qraw siltiet mill-ktieb. Huma kienu akkumpanjati mill-għalliema EliClare Mikkelsen. Fit-tnedija tal-ktieb, ingħaqdu magħna b’mod virtwali żewġ klassijiet mill-iskola, immexxija mill-Kap tal-iskola, Gaetano Bugeja. Nirringrazzjahom li għamluha possibbli li jkollna l-parteċipazzjoni tal-istudenti li jirrappreżentaw l-etajiet li għalihom hu indirizzat il-ktieb.

Min hu interessat jaqra l-ktieb fil-verżjoni diġitali jista’ jidħol fil-website ta’ SEM fil-paġna INFORM u jagħżel Publications (https://sem.gov.mt/latest-updates/publications). Il-ktieb se jitqassam lill-istudenti ta’ Years 10 u 11 fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Se jkollna wkoll xi kopji stampati. Min jixtieq jakkwista kopja jista’ jibagħtilna email fuq info.sem@gov.mt.

Inħeġġu liż-żgħażagħ ta’ dawn l-etajiet biex jaqraw il-ktieb, isiru jafu aktar dwar kif l-Unjoni Ewropea tappoġġja t-twettiq tal-ħolm taż-żgħażagħ u, għaliex le? Toħlom u twettaq il-ħolm tiegħek int ukoll, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea.