Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ permezz tal-Fondi Ewropej

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Huma ħafna dawk iż-żgħażagħ li jfittxu esperjenzi barra minn Malta fejn jistgħu jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra tamparhom bil-għan li jitgħallmu mingħand xulxin filwaqt li jiddiskutu suġġetti li jinteressawhom. Permezz ta’ dawn l-esperjenzi, iż-żgħażagħ ikomplu jikbru bħala persuni u jitgħallmu affarijiet ġodda.

L-Unjoni Ewropea (UE) tirrikonoxxi l-importanza ta’ dawn l-esperjenzi, u permezz ta’ programmi ta’ fondi bħall-Erasmus+, ta’ kull sena tinvesti eluf ta’ fondi biex jitwettqu diversi proġetti għaż-żgħażagħ li jmorru lil hinn mill-edukazzjoni formali, bħal skambji bejn żgħażagħ minn pajjiżi Ewropej differenti.

L-Erasmus+ huwa l-programm ta’ fondi Ewropej li permezz tiegħu l-UE tinvesti b’mod dirett fiż-żgħażagħ, fl-edukazzjoni tat-tfal kif ukoll l-adulti, fit-taħriġ ta’ għalliema u voluntiera, u fl-isport. Fil-qasam taż-żgħażagħ, l-għan ewlieni tal-Erasmus+ huwa li jappoġġja liż-żgħażagħ biex ikunu ċittadini aktar attivi, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ żgħażagħ oħra Ewropej, kif ukoll biex jiksbu u jiżviluppaw kompetenzi għall-ħajja u l-futur professjonali tagħhom.

L-Erasmus+ jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ biex mhux biss jipparteċipaw fi skambji ma’ żgħażagħ oħra, iżda jkunu huma li jieħdu r-responsabbiltà li jorganizzaw dawn l-iskambji. Dan għaliex organizzazzjonijiet u gruppi informali taż-żgħażagħ jistgħu jirċievu appoġġ biex iwettqu proġetti li jlaqqgħu flimkien żgħażagħ minn pajjiżi differenti biex jiddiskutu suġġetti differenti, jaqsmu l-ideat u l-kulturi u jitgħallmu barra mis-sistema edukattiva formali tagħhom.

Il-programm Erasmus+ jappoġġja wkoll proġetti lokali li jsiru miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ. Dawn it-tip ta’ proġetti jissejħu ‘attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ’. Simili għall-iskambji bejn iż-żgħażagħ, dawn l-attivitajiet imorru lil hinn mill-edukazzjoni formali, bħal eżempju dibattiti, workshops u seminars. L-għan aħħari ta’ dawn il-proġetti ta’ parteċipazzjoni huwa li jsaħħu l-attiviżmu u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fuq livell nazzjonali u Ewropew.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) hija aġenzija tal-Gvern li tgħin diversi entitajiet biex japplikaw u jwettqu proġetti b’fondi Ewropej. Organizzazzjonijiet jew żgħażagħ li huma interessati fi proġetti ta’ skambji taż-żgħażagħ, proġetti ta’ parteċipazzjoni jew kwalunkwe fondi Ewropej oħra għandhom javviċinawna sabiex jirċievu l-għajnuna kollha neċessarja biex jissottomettu applikazzjoni kompetittiva għall-fondi. Jekk il-proposta li jissottomettu tintgħażel, SEM tista’ tgħinhom ukoll biex jimplimentaw dak l-istess proġett.

Matul is-snin, l-Aġenzija SEM assistiet diversi gruppi ta’ żgħażagħ u organizzazzjonijiet volontarji biex japplikaw għal-fondi Ewropej sabiex jorganizzaw skambji taż-żgħażagħ u attivitajiet ta’ parteċipazzjoni lokalment.

Fosthom nistgħu nsemmu lill-1st Qormi Scout Group li SEM assistiet biex jibbenefikaw minn fondi Ewropej sabiex iwettqu skambju bejn żgħażagħ lokali u oħrajn minn pajjiżi oħra bħall-Italja, is-Slovakkja u l-Polonja bl-għan li jqajmu kuxjenza dwar is-saħħa mentali u jegħlbu l-istigma marbuta ma’ dan is-suġġett. SEM assitiet ukoll diversi drabi lil JEF Malta - grupp ta’ studenti universitarji, biex jakkwistaw fondi għal diversi proġetti ta’ parteċipazzjoni lokali, bħal ‘Launch Your Potential’. L-għan ta’ dan il-proġett kien li jgħin liż-żgħażagħ ikunu aktar attivi fil-proċess demokratiku permezz tal-iżvilupp ta’ ħiliet mhux formali bħal li jitgħallmu jkunu kunfidenti biex jitkellmu fil-pubbliku.

Il-proġetti li semmejna hawnhekk huma biss żewġ eżempji tad-diversi proġetti li akkwistaw fondi mill-programm tal-Erasmus+ fil-qasam taż-żgħażagħ. Iżda dawn il-proġetti jagħtu togħma tal-opportunitajiet li hawn disponsibli għaż-żgħażagħ permezz tal-fondi Ewropej, kemm biex jibbenifkaw minnhom huma kif ukoll biex jorganizzaw għal żgħażagħ oħrajn, f’Malta u fl-Ewropa.

Jekk inti parti minn grupp ta’ żgħażagħ interessati torganizzaw xi skambji għaż-żgħażagħ Maltin flimkien ma’ għaqdiet oħrajn Ewropej, jew inkella tixtiequ tagħmlu attivitajiet lokali fuq l-attiviżmu għaż-żgħażagħ, bħalissa l-applikazzjonijiet tal-Erasmus+ huma miftuħa sal-4 ta’ Ottubru, 2023. Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-aġenzija SEM fuq info.sem@gov.mt jew billi żżur il-website sem.gov.mt biex tara kif nistgħu nassistuk.