Kompetizzjoni Fotografika: Il-Fondi Ewropej mil-lenti tal-pubbliku

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Għal dawn l-aħħar 19-il sena minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, ġew investiti ammonti sostanzjali ta’ fondi Ewropej favur l-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ pajjiżna. Dawn l-investimenti saru f’oqsma differenti, fosthom fl-edukazzjoni, is-saħħa, l-impjiegi, l-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura, s-sajd, it-turiżmu, in-negozju, il-wirt, iż-żgħażagħ, il-gruppi vulnerabbli, u l-komunitajiet lokali, fost ħafna oħrajn, u b’mod sinifikanti tejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna.

Notevolment, dawn il-proġetti nsibuhom madwarna u ngawduhom fil-ħajja ta’ kuljum, bħal pereżempju t-toroq li nivvjaġġaw minnhom, it-tagħmir u l-makkinarju użat fin-negozji, il-pannelli tax-xemx u s-siti ta’ patrimonju li ġew rinovati u sostnuti għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Għaldaqstant, permezz tal-fondi tal-UE, ħajjitna tjiebet, kemm direttament u kif ukoll indirettament.

F’dan il-kuntest, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) flimkien mal-Malta Photographic Society nidew kompetizzjoni tar-ritratti bit-tema, ‘Fondi Ewropej għal kwalità ta’ ħajja aħjar’.

L-għan tal-kompetizzjoni huwa li tagħti ħajja b'mod viżwali u attraenti, id-diversi kontribuzzjonijiet li ġabu l-fondi tal-UE permezz tad-diversi proġetti implimentati f'Malta u Għawdex fl-oqsma kollha tal-ħajja.

Sabiex jitwassal dan il-messaġġ, kull min hu interessat u għandu aktar minn 16-il sena jista’ jipparteċipa billi jissottometti ritratti ta’ proġetti finanzjati mill-UE taħt it-temi speċifikati. It-temi jkopru diversi setturi differenti bħat-turiżmu, il-kultura, is-saħħa, in-negozju, l-edukazzjoni, it-trasport, l-ambjent, u l-agrikoltura, fost oħrajn. Il-lista sħiħa ta’ temi tinsab hawn.

Dawk interessati huma mitluba jissottomettu sa erba' ritratti ta’ proġetti finanzjati mill-UE li jaqgħu taħt it-temi rilevanti, b'kull ritratt sottomess jirrappreżenta tema differenti.

Ir-ritratti ser jiġu ġġudikati fuq bażi ta’ kif il-proġett ta’ fondi Ewropej joħroġ it-tema tal-kompetizzjoni. Ritratti li joħorġu l-element uman tal-proġett rispettiv ser jingħataw aktar marki.

Għal din il-kompetizzjoni jintgħażel ir-ritratt rebbieħ li jingħata €400 f’vouchers, waqt li 40 ritratt ieħor jingħataw €50 kull wieħed.

Dawn ir-ritratti mbagħad ser jidhru fi ktieb li ser jiġi ppubblikat biex titqajjem kuxjenza dwar it-temi tal-kompetizzjoni. L-aqwa 20 ritratt se jintgħażlu biex jintwerew f’wirja sabiex il-viżitaturi jkunu jistgħu jaraw aħjar kif il-fondi tal-UE huma investiti f’diversi proġetti u kif dawn il-proġetti ttrasformaw il-pajjiż għall-aħjar.

Dawk li jixtiequ jitgħallmu aktar dwar liema proġetti ġew finanzjati minn fondi Ewropej, jeħtieġ li jżuru fondi.eu għal lista li tinkorpora xi wħud mill-proġetti implimentati b'suċċess. Lista aktar dettaljata tal-proġetti tinsab hawn.

Ir-ritratti għandhom jintbagħtu lill-Malta Photographic Society permezz ta’ din il-paġna. Jekk jogħġbok irreferi għat-termini u l-kundizzjonijiet u r-regoli tal-kompetizzjoni għal aktar dettalji.

Is-sottomissjonijiet jagħlqu fil-31 ta’ Awwissu, 2023. Sottomissjonijiet li jidħlu wara din id-data u dawk is-sottomissjonijiet li ma jsegwux ir-regoli speċifikati mhux ser jiġu aċċettati.

Għal xi mistoqsijiet oħra, jekk jogħġbok ibgħat email fuq info.sem@gov.mt.