SEM – Fondi Ewropej iktar aċċessibbli f’Malta u Għawdex

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Fl-1 ta’ Mejju, Malta tiċċelebra l-20 anniversarju tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea (UE). F’dawn l-20 sena, Malta rat żviluppi soċjoekonomiċi f’ħafna aspetti, li ħafna minnhom seħħew bl-appoġġ tal-fondi tal-UE.

Il-fondi tal-UE jipprovdu finanzjament għal firxa wiesgħa ta’ proġetti li jkopru diversi oqsma fosthom l-edukazzjoni, ir-riċerka l-ambjent, l-għajnuna umanitarja, l-agrikoltura u s-sajd, fost ħafna oħrajn. Ammonti sostanzjali ta’ finanzjament imorru għal proġetti infrastrutturali kbar, imma mhux biss. Organizzazzjonijiet żgħar, negozji żgħar u ta’ daqs medju, organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, żgħażagħ, riċerkaturi, bdiewa, u sajjieda, biex insemmu xi ftit, japplikaw u jieħdu fondi għal proġetti żgħar u ta’ kull kwalità. Il-fondi tal-UE huma dejjem allokati skont prijoritajiet li l-UE tqis importanti għall-iżvilupp u l-progress armonizzat tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha.

Għaldaqstant, il-fondi tal-UE joffru numru kbir ta’ possibiltajiet u opportunitajiet għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet u tal-ambjent tagħna. Kemm individwi u anke entitajiet, irrilevanti mid-daqs tagħhom, jistgħu japplikaw għall-fondi tal-UE għal proġetti li kieku ma kinux possibbli li jimmaterjalizzaw.

Filwaqt li huwa minnu li biex wieħed jaċċessa l-fondi tal-UE, mhux dejjem hija biċċa xogħol sempliċi għax wara kollox dawn huma flus pubbliċi, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tista’ tgħinek tissimplifika dan il-proċess.

Biex il-fondi tal-UE jintużaw bl-aħjar mod, SEM toffri servizz personalizzat b’xejn lil individwi jew entitajiet biex jiġu identifikati opportunitajiet ta’ finanzjament mill-fondi tal-UE, tassisti fil-kitba ta’ applikazzjoni kompetittiva u tipprovdi gwida waqt l-implimentazzjoni tal-proġett. B’hekk, SEM toffri servizz sħiħ lil dawk interessati jibbenefikaw – mill-istadju tal-applikazzjoni sal-implimentazzjoni.

Matul is-snin, l-aġenzija SEM għenet ħafna individwi u entitajiet biex japplikaw u jakkwistaw fondi tal-UE. Biex insemmu xi ftit, l-aġenzija assistiet u qed tassisti kunsilli lokali fi proġetti ta’ ġemellaġġ ta’ bliet u rħula, fl-iżvilupp ta’ ċentri u faċilitajiet għall-komunità, fir-rinnovament ta’ żoni pubbliċi bħal ġonna u bandli, u fil-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ għal toroq rurali. L-aġenzija assistiet ukoll żgħażagħ, studenti u għalliema biex iwettqu proġetti ta’ skambji taż-żgħażagħ fejn żgħażagħ minn pajjiżi differenti jiltaqgħu biex isiru jafu aħjar lil xulxin u biex jipparteċipaw flimkien f’numru ta’ attivitajiet. SEM għenet ukoll lill-każini tal-baned u għaqdiet kulturali biex itejbu l-faċilitajiet tal-każini tagħhom, jixtru strumenti mużikali, u jħaddnu l-kultura tal-lokalità tagħhom, filwaqt li assistiet ukoll organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ setturi differenti tas-soċjetà, bħal dawk involuti fl-isport, persuni b’diżabilità u gruppi vulnerabbli.

Matul is-snin, SEM għen ukoll lil bosta individwi u entitajiet biex isegwu t-termini u l-kundizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proġett tagħhom, permezz ta’ gwida mfassla apposta. Għalhekk, il-benefiċjarji jistgħu jibbenefikaw ukoll minn servizz ta’ helpdesk matul l-implimentazzjoni tal-proġett.

L-informazzjoni hija kruċjali wkoll fejn jidħlu organizzazzjonijiet u entitajiet interessati biex isiru jafu meta l-fondi tal-Unjoni Ewropea huma disponibbli għal proġetti partikolari. Fil-websajt tas-SEM – sem.gov.mt/open-calls – wieħed jista’ jsib l-opportunitajiet ta’ finanzjament li huma disponibbli bħalissa, inkluż deskrizzjoni żgħira ta’ dawn il-programmi ta’ finanzjament u għadd ta’ dokumenti informattivi dwar il-fondi tal-UE b’mod ġenerali u dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti, b’mod partikolari.

Matul is-sena jiġu organizzati wkoll numru ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni biex jipprovdu informazzjoni dwar programmi u sejħiet speċifiċi ta’ finanzjament.

It-twettiq ta' proġetti bil-fondi tal-Unjoni Ewropea jibda bl-ewwel pass. Għal informazzjoni jew aktar għajnuna, ikkuntattja lil SEM fuq 2779 7300, info.sem@gov.mt jew permezz tal-websajt sem.gov.mt.