Lejn Trasport Aktar Nadif bil-Fondi tal-UE

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

F’dawn l-aħħar snin, il-qalba lejn sistemi ta’ trasport li jħammeġ inqas saret prijorità kemm fil-livell Ewropew, kif ukoll fuq livell nazzjonali. L-iskema ta’ fondi tal-UE għax-xiri ta’ vetturi elettriċi li ġġeddet dan l-aħħar, hija inizjattiva oħra li għandha l-għan li tikkontribwixxi lejn it-trasformazzjoni kontinwa tal-mod kif nivvjaġġaw.

Fil-qalba ta’ din il-bidla, hemm l-inizjattiva għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, li huwa kompitu diffiċli iżda essenzjali. Il-fondi tal-UE qed jikkontribwixxu biex ikollna trasport aktar nadif, partikolarment permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza (PRR) ta’ Malta, finanzjat primarjament permezz tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

It-toroq u l-vetturi tagħna huma kontributuri ewlenin għall-emissjonijiet tal-karbonju, li jħallu impatt kemm fuq il-klima kif ukoll fuq il-kwalità tal-arja tagħna. Is-soluzzjoni? Il-bidla minn trasport tradizzjonali, ibbażat fuq il-fjuwils fossili għal alternattivi aktar nodfa u ekoloġiċi. Huwa proprju għalhekk li l-vetturi elettriċi huma importanti u jimmarkaw pass sinifikanti lejn futur aktar sostenibbli.

Wieħed mis-seba’ komponenti tal-PRR ta’ Malta huwa dedikat speċifikament għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Dan jinkludi sitt miżuri ta’ riforma appoġġjati minn tliet miżuri ta’ investiment sostanzjali li jammontaw għal madwar €94 miljun. Dawn il-miżuri ta’ investiment huma mmirati lejn l-elettrifikazzjoni fuq skala kbira tat-trasport fuq l-art, permezz ta’ teknoloġiji ġodda li jistgħu jintużaw mill-popolazzjoni inġenerali, biex b’hekk jinbidel il-mod kif nivvjaġġaw.

Madwar €50 miljun huma allokati biex jagħtu spinta lill-użu tal-vetturi elettriċi, inklużi r-roti, il-muturi, il-vetturi ġodda għall-passiġġieri, kemm dawk privati u anke dawk kummerċjali, u saħansitra għall-ġarr tal-merkanzija. Din l-iskema li tnediet fl-2022, għadha kemm iġġeddet fl-2024, u se tkompli fl-2025. L-għan huwa li l-vetturi elettriċi jsiru komuni fit-toroq tagħna bħala riżultat tal-għażliet ta’ kulħadd. Żgħir kemm hu żgħir, kulħadd jista’ jikkontribwixxi għal impatt pożittiv ambjentali akbar.

Min-naħa l-oħra, minbarra r-riforma riċenti li joffri t-trasport pubbliku b’xejn għal dawk kollha li għandhom tal-Tallinja Card, għaddej investiment immirat lejn l-akkwist ta’ 102 karozzi tal-linja elettriċi, appoġġjati minn finanzjament ta’ €34 miljun minn fondi tal-UE. €10 miljuni oħra huma ddedikati għat-trasformazzjoni tal-flotta tas-servizz pubbliku, it-tnaqqis tal-emissjonijiet u t-tisħiħ tal-effiċjenza, inkluż permezz tal-kunċett ta’ car-sharing.

Il-viżjoni tal-PRR tmur lil hinn mill-investimenti finanzjarji. L-inizjattivi jinkludu riformi fl-ippjanar tat-trasport, it-tisħiħ tal-użu tat-trasport pubbliku, u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli għar-reġjun tal-Belt Valletta. Dawn l-isforzi huma indirizzati lejn il-ħolqien ta’ ekosistema fejn it-trasport sostenibbli ma jkunx biss disponibbli, iżda jsir ukoll l-għażla ppreferuta.

L-appoġġ finanzjarju tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport ipoġġi fuq quddiem it-titjib tal-ħajja ta’ kuljum. Jekk hix il-konvenjenza ta’ aktar stazzjonijiet tal-iċċarġjar jew il-benefiċċji ekonomiċi, il-messaġġ huwa ċar: it-trasport ekoloġiku mhuwiex biss lussu - huwa l-futur.

Fejn jidħlu l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, l-appoġġ finanzjarju tal-UE mhux ġej biss mill-PRR imma huwa kumplimentat minn Fondi Ewropej oħra. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena huwa mistenni li jibda l-proġett immirat lejn it-titjib tal-infrastruttura għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, bl-appoġġ ta’ aktar minn €7 miljuni f’finanzjament tal-UE mill-Fond ta’ Koeżjoni 2021-2027.

Il-finanzjamenti futuri tal-UE huma ppjanati wkoll għall-mobbiltà urbana sostenibbli u t-trasport multimodali, li jkopri r-Reġjun tal-Belt Valletta (id-distretti tal-Port tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar). Il-pjan hu li tiġi żviluppata infrastruttura urbana attiva nadifa bħal mogħdijiet pedonali, korsiji għaċ-ċiklisti u pontijiet fil-lokalitajiet urbani biex jiġi żgurat il-passaġġ sikur tal-persuni mexjin u taċ-ċiklisti. Dawn l-inizjattivi huma maħsuba biex ikomplu jippromwovul-bidla lejn trasport sostenibbli u t-tnaqqis tal-livell tal-karbonju f’żoni urbani.

L-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni ta’ Malta jmorru lil hinn mit-trasport fuq l-art. Permezz tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, sar investiment kbir għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-vapuri fil-Port il-Kbir u l-Malta Freeport, waqt li permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jsir it-tieni Interconnector . Dawn it-tliet proġetti, li issa ġew approvati għal finanzjament ta’ madwar €200 miljun mill-Programm 2021-2027, huma meqjusa bħala ta’ interess strateġiku għal Malta.

Il-bidla għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport hija sforz kollettiv. Permezz tat-twettiq ta’ riformi u investimenti ppjanati, qed naraw bidla kruċjali fil-mod kif inħarsu lejn u kif nużaw it-trasport. Huwa moviment mill-qadim għall-ġdid, mit-tniġġis għas-sostenibbiltà, u mill-individwu għall-kollettiv. Hekk kif ninsabu fl-għatba ta’ din il-bidla, li mhix biss li naqilbu għall-vetturi elettriċi, inħarsu ‘l quddiem lejn futur aktar nadif, aktar ekoloġiku, u aktar sostenibbli għal kulħadd.