Servizzi Ewropej f’Malta – inqarrbu l-fondi Ewropej lejk

Artiklu miktub minn Denise Fiorentino – CEO, Servizzi Ewropej f'Malta

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) hija aġenzija tal-Gvern li twaqqfet biex tissimplifika l-aċċess għall-fondi Ewropej għal individwi u organizzazzjonijiet tista’ tgħid f’kull settur tas-soċjetà.

SEM tipprovdi informazzjoni dwar il-programmi kollha ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea (UE), u dwar fondi Ewropej oħra bħal dawk taż-Żona Ekonomika Ewropea u tan-Norveġja, u tassisti lil dawk interessati japplikaw għall-fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom.

Biex inxerrdu l-informazzjoni dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet tal-fondi tal-UE, matul l-2023, bħala SEM wettaqna 15-il kampanja ta’ għarfien lil benefiċjarji potenzjali dwar opportunitajiet ta’ finanzjament miftuħa. Dawn il-kampanji kienu jikkonsistu f’total ta’ 120 artiklu fuq gazzetti online u stampati, parteċipazzjoni fi 68 programm tat-televiżjoni, kif ukoll b’avviżi regolari fil-midja soċjali. Fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kampanji, organizzajna sessjonijiet ta’ informazzjoni għal min kien interessat japplika għal xi sejħa ta’ finanzjament. Dawn il-laqgħat, organizzati flimkien mal-awtoritajiet li huma responsabbli minn fondi differenti, iservu ta’ opportunità biex dak li jkun jistaqsi mistoqsijiet diretti fuq it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ sejħiet differenti.

Bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra, flimkien ma’ TVM ipproduċejna 12-il servizz informattiv waqt il-programm TVAM, biex inqajmu l-għarfien dwar proġetti kofinanzjati mill-UE f’pajjiżna fis-snin li għaddew. Ma naqsux ukoll konferenzi u seminars ta’ informazzjoni ġenerali bħal dawk li kellna għall-intrapriżi, kunsilli lokali u setturi oħra.

SEM tmur lil hinn mill-għoti ta’ informazzjoni. Minħabba li ħafna individwi u organizzazzjonijiet ma jkollhomx l-esperjenza meħtieġa biex japplikaw għall-proġetti b’fondi Ewropej, SEM toffri servizz personalizzat fil-fażijiet tal-iżvilupp tal-proġetti, l-applikazzjoni għalihom u fl-implimentazzjoni tagħhom skont ir-regolamenti. Is-sena li għaddiet, SEM organizzat 10 sessjonijiet ta' taħriġ dwar dawn it-temi, u żammet mal-426 laqgħa individwali li rriżultaw fis-sottomissjoni ta’ 130 applikazzjoni għal proġetti madwar diversi programmi u skemi ta’ fondi tal-UE.

B’mod ġenerali, minbarra l-inizjattivi li semmejna, fl-2023 organizzajna 62 avveniment biex nenfasizzaw l-impatt pożittiv tal-fondi tal-UE fuq il-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna. Avvenimenti importanti kienu l-avveniment pubbliku, f’Jum l-Ewropa fil-Belt Valletta, fid-9 ta’ Mejju, li matulu ġew preżentati l-fondi tal-UE għall-perjodu 2021-2027; kompetizzjoni fotografika dwar proġetti finanzjati mill-UE f’Malta u Għawdex, segwita minn wirja fuq barra fil-Furjana, Raħal Ġdid u l-Imdina.

Ħadna ħsieb ukoll lill-istudenti u liċ-ċiklisti, f’9 żjarat f’postijiet li fihom ġew implimentati proġetti finanzjati mill-UE, bħat-Tempji ta’ Ħaġar Qim, Ħal Tarxien u l-Ġgantija, il-MUŻA u Forti Sant’Iermu u Wied Fulija, fost l-oħrajn.

Matul is-Sajf ilħaqna mal-400 tifel u tifla li attendew Skola Sajf, f’35 attività, sabiex ikunu aktar konxji dwar xi jsir bil-fondi tal-UE f’pajjiżna.

Issa nħarsu ‘l quddiem lejn l-2024, billi nkomplu naħdmu u nsaħħu l-operat tagħna, sabiex inkomplu nippromwovu l-fondi tal-UE u nkunu hemm għal dawk kollha interessati li jużaw minn dawn il-fondi.