Skolasajf – Opportunità għat-tfal biex jitgħallmu dwar l-UE

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Filwaqt li ħafna minna niftakru sew iż-żmien ta’ qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea (UE) fl-2004, kif ukoll meta sirna parti miż-żona tal-Ewro fl-2008, dan mhuwiex l-istess għat-tfal li twieldu wara dik is-sena. Għal ħafna tfal, il-fatt li Malta hija parti mill-UE, li nsiefru f’pajjiżi oħra tal-UE mingħajr xkiel u nużaw l-istess munita f’pajjiżi differenti, huma affarijiet normali li ilhom jgħixu sa minn ċkunithom.

Għalkemm it-tfal ikunu familjari mad-diversi benefiċċji li ġġib magħha s-sħubija ta’ Malta fl-UE, mhux dejjem ikunu jafu x’inhi l-UE, jew x’inhuma l-iskopijiet wara dawn il-benefiċċji. Għaldaqstant, Europe Direct Valletta u Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) ilhom għal dawn l-aħħar 11-il sena jipparteċipaw fil-programm Skolasajf, immexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi bil-għan li jikkomunikaw l-UE lil tfal ta’ bejn it-tmienja u t-tnax-il sena.

Għal din is-sena, għażilna t-tema, ‘Il-Fondi tal-UE u Jien’ bil-għan li ngħallmu lit-tfal li l-UE taħdem sabiex ittejjeb ħajjitna permezz tal-fondi.

Dawn is-sessjonijiet li qegħdin isiru fl-uffiċini ta’ SEM fil-Belt Valletta, mhux biss huma informattivi iżda wkoll divertenti għat-tfal li jattendu. Fil-bidu ta’ kull sessjoni, tingħata preżentazzjoni qasira dwar x’inhi l-UE u t-tfal ikunu imħeġġa sabiex apparti li jitgħallmu xi fatti bażiċi dwar l-UE, jaqsmu wkoll dak li jafu diġà dwar l-UE, liema huma l-Istati Membri u kif jaħdmu flimkien għal għanijiet komuni. Peress li din is-sena t-tema hija l-fondi Ewropej, it-tfal jiġu introdotti għas-suġġett permezz ta’ spjegazzjoni dwar il-ħsieb wara l-allokazzjoni tal-fondi Ewropej li huwa sabiex tiżdied il-koeżjoni bejn l-Istati Membri u jkunu jistgħu jaħdmu lkoll flimkien sabiex jilħqu l-prijoritajiet tal-UE, bħas-suq waħdieni Ewropew, il-konnettività, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, u ħafna oqsma oħrajn.

It-tfal jiġu murija wkoll kif il-fondi Ewropej jintużaw f’Malta u Għawdex, permezz ta’ proġetti differenti relatati mal-edukazzjoni, il-wirt storiku, is-saħħa, it-trasport, l-ambjent, l-inklużjoni u l-enerġija. It-tip ta’ proġetti li nuruhom huma dawk li t-tfal huma ġeneralment familjari magħhom sabiex inwasslu l-messaġġ li b’mod dirett jew indirett huma ukoll jibbenifikaw minn dawn il-fondi li jagħmlulna ħajjitna aħjar. Pereżempju, fis-settur tal-edukazzjoni, tnejn mill-proġetti li jintwerew lit-tfal huma l-iskema tal-‘One Tablet Per Child’ u l-Esplora - iċ-ċentru tax-xjenza interattiva. Dawn huma żewġ eżempji ta’ proġetti li saru bil-fondi Ewropej u li t-tfal jibbenefikaw minnhom b’mod dirett.

Messaġġ ieħor importanti li nwasslu lit-tfal huwa kif il-fondi Ewropej jintużaw sabiex nilħqu l-miri tal-UE u s-sehem importanti li kull individwu għandu li jagħti s-sehem tiegħu sabiex dawn il-proġetti jkunu effettivi u sostenibbli. Eżempju ta’ dan huma l-fondi li jingħataw lill-individwi sabiex jixtru vetturi li jaħdmu bl-elettriku u għall-pannelli tax-xemx, li jikkontribwixxu sabiex nilħqu l-miri għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Lit-tfal inkellmuhom ukoll dwar kif il-fondi Ewropej jintużaw sabiex jiġu organizzati kampanji nazzjonali li jqajmu kuxjenza fuq diversi suġġetti, bħall-kampanja ‘Sort It Out’ tal-WasteServ. L-għan aħħari ta’ din il-kampanja huwa li tbiddel il-mentalità u tgħarraf lill-pubbliku dwar l-ekonomija ċirkolari permezz ta’ inizjattivi bħar-'Road Show Truck’ li jagħmilha aktar faċli sabiex wieħed jirriċikla materjali differenti kif suppost. Permezz ta’ eżempji sempliċi bħal dawn, it-tfal jkunu jistgħu jaraw u jifhmu aktar kif huma jistgħu jikkontribwixxu għas-suċċess tal-proġetti li qed isiru permezz tal-fondi Ewropej.

Fl-aħħar, matul kull sessjoni it-tfal jipparteċipaw fi kwizz qasir u logħba interattiva marbuta mad-diversi proġetti li bbenefikaw mill-fondi Ewropej li ġew diskussi matul is-sessjoni. F’din il-logħba t-tfal ipoġġu ritratti marbuta ma’ dawn il-proġetti fuq mappa tal-gżejjer Maltin. B’hekk it-tfal ikun jistgħu jifhmu aktar fejn jiġu investiti l-fondi Ewropej madwarhom.

B’kollox għal din is-sena, Europe Direct Valletta u SEM ser ikun qegħdin jorganizzaw 35 sessjoni bejn is-17 ta’ Lulju u l-1 ta’ Settembru għal madwar 400 student/a minn ċentri differenti f’Malta u Għawdex. Apparti Skolasajf, matul is-sena SEM u Europe Direct Valletta jorganizzaw numru ta’ attivitajiet kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti bl-għan li jikkomunikaw l-UE u l-fondi Ewropej.

Għal aktar informazzjoni dwar l-inizjattivi organizzati minn SEM u Europe Direct Valletta, tista’ żżur il-website tagħna sem.gov.mt jew tibagħtilna email fuq info.sem@gov.mt.