Kompetizzjoni Fotografika: Il-Fondi Ewropej mil-lenti tal-pubbliku

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Il-Fondi Ewropej matul is-snin appoġġjaw bosta setturi, organizzazzjonijiet u individwi direttament jew indirettament. Dawn il-fondi jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna b’ħafna modi u jikkontribwixxu sew lejn il-progress ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.

Sabiex il-benefiċċji u l-opportunitajiet tal-fondi Ewropej isiru aktar evidenti, SEM u l-Malta Photographic Society nidew kompetizzjoni tar-ritratti bit-tema ‘Fondi Ewropej għal kwalità ta’ ħajja aħjar’. L-għan ta’ din il-kompetizzjoni huwa li titqajjem aktar kuxjenza dwar kif il-fondi tal-UE ġew użati f’Malta u Għawdex matul l-aħħar 19-il sena ta’ sħubija ta’ pajjiżna fl-UE.

SEM hija aġenzija tal-Gvern li tipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini u organizzazzjonijiet dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet relatati mal-fondi tal-UE. Din l-aġenzija toffri wkoll appoġġ lil diversi entitajiet, organizzazzjonijiet mhux governattivi, individwi, u negozji, fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.

Wieħed mill-irwoli ewlenin tal-aġenzija SEM huwa li tipprovdi informazzjoni dwar il-benefiċċji tal-fondi Ewropej għal kwalità ta’ ħajja aħjar f’Malta u Għawdex. F’dan ir-rigward, l-aġenzija twettaq bosta attivitajiet ma’ gruppi diversi ta’ nies, minn tfal sa adulti.

L-għan tal-kompetizzjoni huwa li tingħata ħajja b'mod viżwali u attraenti, lejn il-bosta kontribuzzjonijiet li ġabu l-fondi Ewropej, permezz tal-proġetti li ġew implimentati f'Malta u Għawdex, fl-oqsma kollha.

Sabiex jitwassal dan il-messaġġ, kull min hu interessat u għandu aktar minn 16-il sena jista’ jipparteċipa billi jissottometti ritratti ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE taħt it-temi speċifikati. It-temi jkopru diversi setturi differenti bħat-turiżmu, il-kultura, is-saħħa, in-negozju, l-edukazzjoni, it-trasport, l-ambjent, u l-agrikoltura, fost oħrajn. Il-lista sħiħa ta’ temi tinsab hawn.

Dawk interessati huma mitluba jissottomettu sa erba' ritratti ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li jaqgħu taħt it-temi rilevanti, b'kull ritratt sottomess jirrappreżenta post jew tema differenti.

Ir-ritratti se jiġu ġġudikati fuq bażi ta’ kif il-proġett ta’ fondi Ewropej joħroġ it-tema tal-kompetizzjoni. Ritratti li joħorġu l-element uman tal-proġett rispettiv ser jingħataw aktar marki.

Wara l-kompetizzjoni, l-aqwa 20 ritratt ser jintgħażlu u jiġu esebiti f’wirja sabiex il-viżitaturi jkunu jistgħu jifhmu aħjar kif il-fondi Ewropej huma investiti fi proġetti f’oqsma differenti, u kif dawn il-proġetti ttrasformaw il-pajjiż b’mod pożittiv.

Dawk li jixtiequ jitgħallmu aktar dwar liema proġetti ġew finanzjati minn fondi Ewropej, jeħtieġ li jżuru fondi.eu għal lista li tinkorpora xi wħud mill-proġetti implimentati b'suċċess. Lista aktar dettaljata tal-proġetti tinsab hawn.

Ir-ritratti għandhom jintbagħtu lill-Malta Photographic Society permezz ta’ din il-paġna. Jekk jogħġbok irreferi għat-termini u kundizzjonijiet u r-regoli tal-kompetizzjoni għal aktar dettalji.

Is-sottomissjonijiet jagħlqu fil-31 ta’ Awwissu, 2023. Sottomissjonijiet li jidħlu wara din id-data u dawk is-sottomissjonijiet li ma jsegwux ir-regoli speċifikati mhux ser jiġu aċċettati.

Għal xi mistoqsijiet oħra, jekk jogħġbok ibgħat email fuq info.sem@gov.mt.