Ħejji n-Negozju tiegħek għall-Era Diġitali

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Waqt li l-Unjoni Ewropea (UE) qiegħda tagħti importanza kbira lill-era diġitali sal-2030, stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru wera li erbgħa minn kull ħames Ewropej jemmnu li t-teknoloġiji diġitali qed isiru dejjem iktar importanti f’ħajjithom. Kulma jmur, it-teknoloġija qiegħda ssir dejjem iktar fuq quddiem tal-aspettattivi u l-bżonnijiet tagħna bħala konsumaturi u għalhekk in-negozji għandhom ikunu dejjem lesti għal dawn il-ħtiġijiet.

L-UE tirrikonoxxi li mhux kull negozju jista’ jadatta malajr għall-ħtiġijiet tal-era diġitali. Għaldaqstant, wieħed mill-oġġettivi tal-miri tal-UE għall-2030 huwa li tgħin lin-negozji jkunu armati billi jibdlu l-operat tagħhom għal wieħed dejjem iktar diġitali, irrispettivament mid-daqs tagħhom jew is-settur li joperaw fih.

Din il-bidla tista’ toffri sfida mhux żgħira, kemm finanzjarjament u kemm fir-riżorsi, l-iktar jekk in-negozju jkun żgħir. Għalhekk hija prijorità għall-UE li tappoġġja lin-negozji f’din il-bidla permezz tal-fondi fis-snin li ġejjin.

F’Malta, ħafna negozji diġà ħadu l-opportunità ta’ dawn il-fondi, li ħadu spinta fil-pandemija tal-Covid-19. Fil-fatt, sal-2022, Malta kellha l-ogħla rata ta’ negozji fl-UE li qalbu l-mod kif ibigħu s-servizzi u l-prodotti tagħhom għal wieħed diġitali. Madankollu, in-negpzji m’għandhom ikunu biss reattivi għal sitwazzjonijiet ġodda. Jaqblilhom ikunu mħejjija minn qabel għall-bidliet fix-xejriet tan-negozju.

Bħalissa hemm diversi skemi ta’ għotjiet minn fondi Ewropej miftuħin. L-iskop speċifiku tagħhom hu li jgħinu lin-negozji mikro, żgħar u medji biex jiddiġitalizzaw u jkunu mħejjija għall-era diġitali.

In-negozji mikro, li jħaddmu inqas minn 10 min-nies, jistgħu jibbenefikaw mill-Iskema ‘Digitalise your Micro Business’. Din l-iskema nħadmet speċifikament biex dawn in-negozji jagħmlu l-ewwel passi biex jiddiġitalizzaw in-negozju tagħhom. Huma jistgħu jieħdu sa massimu ta’ €10,000 biex jinvestu f’teknoloġiji diġitali, bħal kompjuters, software u taħriġ għall-impjegati biex iħaddmu sistemi diġitali. Din l-iskema hija partikularment ta’ benefiċċju għan-negozji li jsibuha xi ftit bi tqila biex jiddiġitalizzaw in-negozju tagħhom.

Dawk in-negozji li diġà għandhom l-għodda diġitali imma jridu jinvestu aktar, pereżempju biex ikollhom paġna tal-kummerċ elettroniku, jistgħu jibbenefikaw mill-Iskema ‘SME Digitalisation Grant Scheme’. Din l-iskema tgħodd ukoll għal negozji li jħaddmu inqas minn 50 impjegat u n-negozji medji li jħaddmu sa 249 impjegat. Din l-iskema toffri għotja sa €50,000 f’investiment f’hardware u software diġitali li jiġi magħmul apposta għal negozji differenti biex ikollhom website tal-kummerċ elettroniku.

Waqt li l-iskemi li semmejna huma mmirati għal investimenti li jiddiġitalizzaw l-operat tan-negozji, il-fondi tal-UE jistgħu jintużaw ukoll biex jgħinu lin-negozji jikbru u jsaħħu l-operat tagħhom billi jinvestu f’tagħmir u makkinarju teknoloġikament avvanzat. Bħalissa, l-iskema miftuħa SME Enhance tiffinanzja parzjalment investimenti fl-espansjoni, id-diversifikazzjoni jew l-innovazzjoni tal-operat permezz ta’ għotja li l-ammont tagħha jiddependi mit-tip ta’ intrapriża. L-iskema hija maħsuba biex tgħin fit-titjib tal-produttività u l-kompetittività tal-intrapriżi skont il-ħtiġijiet tal-era diġitali.

Minħabba li bidliet bħal dawn jinħtieġu pjanar sinifikanti u pariri professjonali, in-negozji jistgħu japplikaw ukoll għal fondi biex iħejju pjan tan-negozju bl-iskema ’Business Reports for SMEs’. Din l-iskema tfasslet speċifikament għan-negozji b’għotja massima ta’ €4,000 biex issir konsulenza dwar x’deċiżjonijiet għandhom jittieħdu, fosthom billi jsir pjan tan-negozju jew reviżjoni tal-proċessi u s-sistemi tal-operat.

L-iskemi ta’ hawn fuq huma biss eżempju ta’ skemi differenti finanzjati mill-fondi tal-UE li minnhom jistgħu jibbenefikaw negozji lokali. Għal iktar informazzjoni dwar l-iskemi msemmija jew fondi disponibbli oħra, tista’ żżur fondi.eu jew tkellem lil SEM fuq 2779 7300 jew bl-email info.sem@gov.mt.