SEM issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha sabiex tassisti entitajiet lokali jiksbu fondi Ewropej

Rappreżentanti mill-aġenzija f'numru ta’ laqgħat fi Brussell

Rappreżentanti mill-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) kellhom numru ta’ laqgħat fi Brussell dwar diversi programmi ta’ fondi Ewropej.

L-għan ewlieni ta’ din iż-żjara kien illi l-Aġenzija tistabbilixxi komunikazzjoni diretta mall-Kummissjoni Ewropea, biex b’hekk tkun tista sservi bħala pont bejn l-Unjoni Ewropea u entitajiet u ċittadini Maltin. Permezz ta’ din iż-żjara, l-aġenzija kompliet issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha fejn jidħlu fondi tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li tkompli ttejjeb is-servizzi li toffri.

Bħala aġenzija tal-gvern, SEM toffri informazzjoni dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea u tiggwida lil dawk interessati biex jisfruttaw l-opportunitajiet ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, jiżviluppaw l-idea tal-proġett u jidentifikaw x’opportunitajiet ta’ fondi hemm disponibbli. Apparti l-informazzjoni, SEM tista’ tkun ta’ għajnuna wkoll waqt il-proċess ta’ applikazzjoni għall-fondi kif ukoll it-twettiq ta’ proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Magħtul iż-żjara fi Brussell, uffiċjali tas-SEM iltaqgħu ma’ diversi rappreżentanti minn direttorati ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, li huma awtoritajiet tal-immaniġġjar ta’ numru ta’ programmi ta’ fondi. Huma ltaqgħu ma’ uffiċjali fid-Direttorat Ġenerali (DĠ) HOME, li jiffoka l-ħidma tiegħu fuq is-sigurtà, l-ażil, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri u l-politika dwar il-viża. Barra minn hekk, saru wkoll laqgħat mad-DĠ inkarigat mill-programm tas-suq waħdieni, id-DĠ għas-Saħħa Ewropea, id-DĠ għar-Riformi u d-DĠ għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni. Saru wkoll laqgħat mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u mad-DĠ għan-Networks, il-Kontenut u t-Teknoloġija.

Dawn l-entitajiet jimmaniġġjaw programmi ta’ fondi differenti li għalihom jistgħu japplikaw entitajiet lokali. Id-diskussjonijiet varjaw skont l-oqsma kkonċernati mill-programmi rispettivi. Attenzjoni speċjali ġiet mogħtija mill-uffiċjali tas-SEM f’taħdidiet dwar il-proċessi tal-applikazzjoni u dak tal-implimentazzjoni tal-proġetti, kif ukoll x’jagħmel proġett kompetittiv għall-fondi. B’hekk l-aġenzija hija iktar attrezzata sabiex tassisti individwi u entitajiet lokali jiksbu l-fondi. Permezz ta’ din iż-żjara, SEM għandha tagħrif iktar fil-fond ta’ xi jkunu qegħdin jistennew l-entitajiet tal-immaniġġjar mingħand il-benefiċjarji.

Għaldaqstant, l-għajnuna ta’ SEM twassal għal proġetti li jkollhom ċans ogħla li jiġu allokati fondi. L-investiment f’din iż-żjara jikkontribwixxi biex is-servizz offrut jibqa’ jitjieb u sabiex l-aġenzija tkun mgħammra bir-riżorsi kollha possibbli meta tipprovdi assistenza lil entitajiet u individwi fil-kisba tal-fondi.

Għalkemm awtoritajiet tal-immaniġġjar jippubblikaw linji gwida u dokumenti ta’ spjegazzjoni, dawn spiss jinkludu l-użu ta’ termini tekniċi li jaf jiskoraġġixxi lil min ikun interessat sabiex japplika għal dawn il-fondi. Il-proċessi ta’ applikazzjoni u t-twettiq ta’ proġetti jaf ikunu intimidanti għal min m’għandux esperjenza, għaliex hemm numru ta’ kriterji u termini li għandhom jiġu osservati.

L-Aġenzija SEM timxi pass pass ma’ min hu interessat li jikseb iktar tagħrif u toffri servizz flessibbli u adattat għall-ħtiġijiet ta’ kull applikant u benefiċjarju. Entitajiet li ma jkunux ibbenefikaw mill-għajnuna ta’ SEM fil-proċess ta’ applikazzjoni jistgħu xorta jużaw is-servizzi tal-aġenzija waqt l-implimentazzjoni tal-proġett.

Għal aktar tagħrif dwar fondi tal-Unjoni Ewropea u kif SEM tista’ tkun ta’ għajnuna, nitolbuk tikkuntattjana fuq 2779 7300, info.sem@gov.mt jew billi żżur is-sit elettroniku tagħna sem.gov.mt.