ERASMUS+ opportunitajiet għall-professjonisti fl-edukazzjoni u l-isport

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Meta nitkellmu dwar opportunitajiet għall-għalliema u l-istudenti li huma finanzjati mill-Unjoni Ewropea, ħafna mill-ewwel jaħsbu fil-programm ERASMUS+. Dan huwa possibbilment wieħed mill-aktar programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea magħrufa lokalment, minħabba l-popolarità tiegħu mal-ġenerazzjoni żagħżugħa. Fil-fatt huma ħafna dawk iż-żgħażagħ Maltin li bbenefikaw mill-programm ERASMUS+ biex jipparteċipaw fi skambji f’pajjiżi oħra tal-Ewropa jew biex jagħmlu parti mill-istudju tagħhom f’pajjiż ieħor. Iżda, l-ERASMUS+ imur lil hinn mill-appoġġ għall-ivvjaġġar.

L-ERASMUS+ huwa l-programm ewlieni tal-Unjoni Ewropea li jiffinanzja inizjattivi fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa. Dawn il-fondi jagħtu diversi opportunitajiet liż-żgħażagħ u lill-professjonisti f’diversi oqsma biex jagħmlu esperjenzi ta’ koperazzjoni u skambji f’pajjiżi oħra. Dawn l-opportunitajiet jibbenefikaw minnhom għalliema, letturi fl-edukazzjoni ogħla, coaches tal-isport u youth workers, fost l-oħrajn. Permezz ta’ dawn l-esperjenzi, huma jwessgħu l-għarfien tagħhom billi jaqsmu metodi u prattiċi u jitgħallmu minn xulxin biex japplikawhom f’pajjiżhom u f’Malta.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), bħala l-aġenzija tal-gvern li tiffaċilita l-proċess tal-applikazzjoni għall-fondi Ewropej, tassisti diversi individwi u organizzazzjonijiet biex jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet li joffri l-ERASMUS+. Matul is-snin, SEM għenet diversi skejjel pubbliċi, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni post-sekondarja u organizzazzjonijiet volontarji, fost oħrajn, fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti relatati mal-iżvilupp professjonali taħt l-ERASMUS+.

Fir-rigward tal-iskejjel, SEM tassisti firxa wiesgħa ta’ kulleġġi u skejjel biex japplikaw għal tipi differenti ta’ proġetti ta’ mobilità. Fl-2022, l-Aġenzija għenet lill-kulleġġ ta’ San Benedittu biex japplikaw għal finanzjament biex għalliema fi ħdan il-kulleġġ jattendu korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzat f’pajjiżi differenti bħall-Olanda, l-Irlanda u l-Ungerija. Dan kien jinkludi korsijiet ta’ taħriġ dwar suġġetti bħat-tagħlim tal-lingwi, it-tagħlim fuq barra, u l-użu ta’ għodod diġitali fil-klassi, fost l-oħrajn. L-għalliema li pparteċipaw f’dawn il-korsijiet imbagħad qasmu l-għarfien li kisbu ma’ għalliema oħra bħala parti minn inizjattiva, ‘Train the trainer’, biex jiżguraw li l-istudenti fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu jkunu jistgħu jibbenefikaw minn esperjenza ta’ tagħlim imtejba.

SEM tassisti wkoll organizzazzjonijiet sportivi biex jibbenefikaw minn fondi taħt il-programm ERASMUS+. Aktar kmieni din is-sena, SEM assistiet lill-‘Vikings Sailing Club’ biex japplikaw għall-fondi sabiex coaches mill-klabb jitgħallmu minn klabb ieħor tat-tbaħħir fl-Irlanda. Matul din l-esperjenza, il-coaches tgħallmu kif klabb tal-ibburdjar imexxi programm għal persuni b’diżabilità, bl-għan li eventwalment il-‘Vikings Sailing Club’ jibda joffri korsijiet tal-ibburdjar għal persuni b'diżabilità. Dan huwa servizz li mhux offrut lokalment.

SEM għenet ukoll lill-‘Malta Handball Association’ biex torganizza esperjenza ta’ job shadowing fi Spanja għal coaches minn klabbs lokali tal-handball. L-għan ta’ din l-esperjenza kienet li coaches Maltin jiksbu aktar għarfien dwar prattiċi ġodda li jintużaw waqt it-taħriġ tal-handball għal gruppi ta’ etajiet differenti li jvarjaw minn tfal żgħar sa adulti.

Il-proġetti msemmija hawn huma biss eżempju żgħir tal-għexieren ta’ inizjattivi differenti finanzjati mill-ERASMUS+, u juru kif dan il-programm ta’ fondi jappoġġja firxa wiesgħa ta’ inizjattivi li jkomplu jgħollu l-kwalità tal-ħajja billi jgħollu l-livell ta’ edukazzjoni tal-professjonisti u jwessgħu l-għarfien u l-esperjenzi ta’ għaqdiet u professjonisti f’oqsma varji.

Is-sejħiet għal skejjel, organizzazzjonijiet volontarji u tal-isport, u istituzzjonijiet edukattivi oħra biex jissottomettu proposta ta’ proġett għall-mobilità tal-individwi fl-2024, tnedew uffiċjalment u l-applikazzjonijiet se jkunu disponibbli fil-ġimgħat li ġejjin.

Individwi interessati, jistgħu jirreġistraw fil-website ta’ SEM sabiex jinżammu aġġornati fuq is-sejħiet tal-ERASMUS+ skedati għall-2024, permezz ta’ notifika li tintbagħat ladarba l-applikazzjonijiet jinfetħu.

Kull min jixtieq jistaqsi dwar l-opportunitajiet li jagħti l-ERASMUS+ jista’ jew jirreferi għall-informazzjoni fil-website ta’ SEM hawn, jew jikkuntattjana biex niggwidawh fuq info.sem@gov.mt jew billi jċemplilna fuq 2779 7300.