Fondi tal-UE għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali fl-Iskejjel Sekondarji

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

It-tluq bikri mill-iskola huwa ta’ tħassib għall-individwu, għas-soċjetà u għall-ekonomija. Għaldaqstant, kemm għall-Unjoni Ewropea, kif ukoll għal Malta, hija ta’ prijorità li jitnaqqas in-numru ta’ żgħażagħ li jitilqu mill-iskola u t-taħriġ mingħajr ma jkollhom xi tip ta’ kwalifika.

Matul l-aħħar għaxar snin, Malta għamlet sforzi sinifikanti biex l-istudenti jkunu jistgħu jtejbu r-riżultati tagħhom u jkomplu l-istudji tagħhom fi skejjel post-sekondarji jew entitajiet edukattivi li joffru taħriġ vokazzjonali. Il-Gvern huwa impenjat li jipprovdi lill-istudenti b’opportunitajiet biex jiżviluppaw il-valuri, il-ħiliet, u l-attitudnijiet meħtieġa sabiex isibu xogħol, filwaqt li gradwalment jitnaqqas id-distakk bejn l-edukazzjoni u x-xogħol.

L-introduzzjoni mill-ġdid tas-suġġetti tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) fl-iskejjel sekondarji qed toffri opportunità lill-istudenti sabiex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u tipprovdilhom modi alternattivi bħala miżura biex l-edukazzjoni tindirizza l-ħtiġijiet tal-industrija.

L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-importanza li tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta’ suġġetti vokazzjonali. B’hekk jiġi żgurat li d-dinja tax-xogħol preżenti u dik futura tkun mgħammra bil-ħiliet u t-taħriġ meħtieġa. Għal dan il-għan, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-Unjoni Ewropea tappoġġja lill-Istati Membri biex iwettqu investimenti immirati lejn it-titjib tal-infrastruttura edukattiva attwali tagħhom. Permezz ta’ investimenti bħal dawn, aktar studenti jkunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar, itejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg u l-karrieri tagħhom.

Mill-fondi tal-FEŻR, Malta bbenefikat minn €3 miljun biex twettaq il-proġett INVEST (Infrastructure for Nationwide VET to reduce Early School leavers Tomorrow).

Il-proġett INVEST tlesta din is-sena bit-twaqqif ta’ laboratorji għas-suġġetti vokazzjonali li issa qegħdin jipprovdu lill-istudenti tal-iskejjel sekondarji b’metodi ta’ tagħlim alternattivi. B’hekk, il-proġett hu mistenni li jgħin fit-tnaqqis tar-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola f’Malta.

Permezz ta’ dan il-proġett, madwar 80 laboratorju fi 13-il skola sekondarja tal-Gvern f’Malta u Għawdex ġew mibdula f’laboratorji speċjalizzati, bl-għodda meħtieġa biex l-istudenti jitgħallmu diversi suġġetti vokazzjonali. Dawn jinkludu n-Negozju Agrikolu, it-Teknoloġija tal-Inġinerija, it-Teknoloġija tal-Informatika, il-Kura tax-Xagħar u s-Sbuħija, is-Saħħa u l-Kura Soċjali, l-Ospitalità, il-Media, it-Tessuti u l-Moda. Permezz tal-proġett, ġew imtejba u modernizzati laboratorji li kienu diġà eżistenti għas-suġġetti tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali. Inbnew mill-ġdid xi laboratorji fi skejjel partikolari sabiex jiżdied in-numru ta’ laboratorji speċjalizzati fis-suġġetti tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, bħall-Iskola Sekondarja fiż-Żejtun, l-Iskola Sekondarja tal-Ħandaq, l-Iskola Sekondarja fil-Mosta, u l-Kulleġġ t’Għawdex. Minn dan il-proġett sa issa bbenefikaw aktar minn 8,000 student, liema numru se jkompli jiżdied fis-snin li ġejjin.

Servizzi Ewropej f ’Malta (SEM) tinforma liċ-ċittadini dwar il-benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Dan l-aħħar iltqajna ma’ diversi studenti u għalliema fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun. L-istudenti li bħalissa qed jistudjaw il-Media, l-Inġinerija, u l-Kura tax-Xagħar u s-Sbuħija spjegawlna kif dawn il-laboratorji jipprovdulhom opportunità li jpoġġu t-teorija fil-prattika. Għalliema li jispeċjalizzaw fl-Ospitalità, it-Tessuti u l-Moda, u t-Teknoloġija tal-Informatika urewna l-apparat differenti li wieħed jista’ jsib f’dawn il-laboratorji u kif il-ħiliet li jiksbu mil-lezzjonijiet prattiċi jippreparawhom għall-karriera iktar ‘il quddiem fil-ħajja.

Aktar informazzjoni dwar dan il-proġett tinsab fuq is-sit elettroniku fondi.eu.

Għal aktar informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkuntattjana bil-mistoqsijiet tiegħek permezz ta’ email fuq info.sem@gov.mt, jew billi ċċempilna fuq 2779 7300.