Fondi tal-UE għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-Ilma

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Malta u Għawdex bħala gżejjer f’nofs il-Mediterran igawdu minn klima sħuna b’madwar 300 jum bix-xemx matul is-sena. Filwaqt li dawn il-kundizzjonijiet tal-klima huma ideali, in-nuqqas ta’ xita u popolazzjoni li dejjem tikber, joħolqu sfidi ikbar fuq il-provvista tal-ilma.

L-ilma, speċjalment dak nadif u ħelu, huwa riżors essenzjali għan-nies u n-natura u jassigura li l-ekonomija ta’ Malta u setturi ewlenin bħall-agrikoltura jkunu jistgħu jiffunzjonaw b’mod sostenibbli. Iżda bħalissa Malta għandha l-inqas ammont disponibbli ta’ ilma ħelu naturali fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Apparti hekk, Malta wkoll ikklassifikat bħala wieħed mill-10 pajjiżi bl-ogħla skarsezza tal-ilma madwar id-dinja. Għaldaqstant, il-konservazzjoni u l-użu effiċjenti tal-ilma huma prijorità ewlenija għall-gżejjer Maltin.

L-Unjoni Ewropea trid ukoll tiżgura li r-riżorsi tal-ilma jkunu protetti u li kullħadd fl-Ewropa jkollu aċċess għall-ilma nadif. F’dan l-isfond, l-Unjoni Ewropea tuża programmi ta’ fondi u strumenti ta’ finanzjament differenti sabiex tiffinanzja diversi proġetti mmirati lejn il-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma fl-Istati Membri.

It-tip ta’ proġetti jvarjaw minn proġetti infrastrutturali kbar bħall-produzzjoni ta’ riżorsi tal-ilma addizzjonali, għal proġetti iżgħar immirati lejn iċ-ċittadini, bħal kampanji ta’ għarfien dwar il-konservazzjoni tal-ilma.

L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA), bħala l-aġenzija nazzjonali inkarigata mill-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għall-ilma sostenibbli għal Malta u Għawdex, ibbenefikat minn diversi opportunitajiet ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea mmirati proprju biex jappoġġjaw dan il-għan.

Matul is-snin, l-EWA implimentat diversi tipi ta’ proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu proġetti infrastrutturali bħar-rijabilitazzjoni ta’ Chadwick Lakes, u proġetti nazzjonali fuq skala kbira bħal ‘Water – Be The Change’ - kampanja ta’ għarfien nazzjonali dwar kif in-nies jistgħu jużaw l-ilma b’mod effiċjenti, u l-proġett ‘LIFE IP’ li ilu għaddej mill-2018. Dawn il-proġetti għandhom l-għan li l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma fil-gżejjer Maltin tkun tal-ogħla kwalità.

Bħala parti minn dawn il-proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea, l-EWA qiegħda toffri servizzi ġodda lill-klijenti tagħha, bħas-servizz ta’ konsulenza fid-djar. Dan huwa servizz li qed jiġi offrut b’xejn lid-djar kollha f’Malta u Għawdex bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar kif titnaqqas ir-rata tal-konsum tal-ilma. Matul dawn iż-żjajjar, esperti tekniċi mill-EWA jipprovdu suġġerimenti personalizzati dwar kif ir-residenti jistgħu jużaw l-ilma fid-djar b’mod iktar effiċjenti. Dawn iż-żjajjar huma mfassla sabiex mhux biss iżidu l-għarfien dwar kif tiffranka l-ilma imma wkoll dwar kif tuża l-enerġija b’mod effiċjenti u tiffranka l-flus.

Permezz tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, l-EWA qed toffri dan is-servizz ta’ konsulenza wkoll lill-intrapriżi mikro, żgħar u medji biex jagħtuhom parir dwar l-użu effiċjenti tal-enerġija u l-ilma fin-negozji tagħhom. L-istess bħaż-żjajjar fid-djar, esperti mill-EWA jżuru l-bini tan-negozju, mingħajr ħlas, u jagħtu parir dwar it-titjib li jista’ jsir fl-użu tal-enerġija u fil-konsum tal-ilma. Huma jipprovdu wkoll informazzjoni dwar għotjiet u skemi oħra li l-kumpanija tista’ tkun eliġibbli għalihom. Dan il-proġett huwa parti minn proġett madwar l-Unjoni Ewropea kollha msejjaħ ‘EnergyEfficiency4SMEs’ li bħalissa qed isir madwar Stati Membri differenti bil-għan li aktar intrapriżi mikro, żgħar u medji jaddottaw miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija.

Dawn l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-EWA huma eżempju tajjeb ta’ modi differenti kif jistgħu jintużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea, kemm biex jibbenefikaw individwi u intrapriżi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u fl-aħħar mill-aħħar jibbenefika pajjiżna u l-Ewropa inġenerali.

Jekk tixtieq aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkuntattjana bil-mistoqsijiet tiegħek permezz tal-email fuq info.sem@gov.mt jew billi ċċemplilna fuq 2779 7300. Għal iktar informazzjoni tista’ wkoll iżżur is-sit elettroniku fondi.eu.