X’inhi l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE?

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

L-Unjoni Ewropea, sa minn meta twieldet dejjem ibbażat fuq il-prinċipju importanti tal-koeżjoni bejn il-pajjiżi membri biex tikber u tirnexxi. Dan il-prinċipju hu rifless fi kliem Robert Schuman, li fl-1950 ħareġ bl-idea ta’ Ewropa magħquda, “L-Ewropa ma ssirx f’daqqa waħda, jew skont pjan wieħed. Tinbena fuq kisbiet konkreti li qabel kollox joħolqu solidarjetà de facto”.

Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea tkopri terz tal-baġit tagħha għall-perjodu 2021-2027, jiġifieri €392 biljun. Hija l-iktar espressjoni ta’ solidarjetà evidenti fl-Unjoni Ewropea. Din il-politika mhix biss murija fl-appoġġ finanzjarju lil dawk l-Istati Membri li huma inqas żviluppati, imma hija wkoll dwar il-qsim tal-esperjenzi u l-għarfien, il-koperazzjoni territorjali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet. Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika ta’ koeżjoni hi mmirata għall-bini ta’ Ewropa intelliġenti, ekoloġika, iktar konnessa, iktar soċjali, u qrib in-nies.

Il-Politika ta’ Koeżjoni titħaddem permezz ta’ fondi partikolari: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – maħsub biex isiru investimenti fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-reġjuni u l-bliet fl-Unjoni Ewropea, il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) – li jinvesti fl-ambjent u t-trasport, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE+) – li jappoġġja l-impjiegi u joħloq soċjetà ġusta u inklussiva fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (FTĠ) – li jappoġġja reġjuni li huma l-iktar milquta mill-bidla għan-newtralità tal-klima u jgħin lin-nies jadattaw għal suq tax-xogħol dejjem jinbidel.

Għall-perjodu 2021-2027, l-ammonti allokati għal Malta taħt dawn il-programmi ta’ fondi huma kif ġej: FEŻR – €766 miljun; FK – €194 miljun; FSE+ €205 miljun; FTĠ €33 miljun.

Minn stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru dwar l-għarfien u l-perċezzjoni taċ-ċittadini Ewropej fuq il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea juri li 79% tal-Ewropej li ħadu sehem, jemmnu li l-fondi tal-Unjoni Ewropea għandhom impatt pożittiv fuq pajjiżhom u fuq ħajjithom.

98% tal-Maltin li wieġbu għall-istħarriġ jistennew li l-investiment bil-fondi tal-Unjoni Ewropea jsir l-ewwel fl-ambjent, imbagħad fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fl-infrastruttura soċjali, u fl-enerġija nadifa u rinnovabbli. 91% għażlu l-appoġġ lin-negozji żgħar u medji u r-riċerka u l-innovazzjoni.

Kollox ma’ kollox, il-politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea hija mmirata għan-nies; biex ittejjeb il-kwalità ta’ ħajja tagħhom, toħloq il-kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-benesseri u l-kwalità tal-ambjent fl-Istati Membri u r-reġjuni tal-Unjoni Ewropea.

Jekk trid tkun taf aktar dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkuntattjana bl-email info.sem@gov.mt, jew billi ċċemplilna 2779 7300. Tista’ wkoll iżżur il-website fondi.eu.