Servizzi Ewropej f’Malta tqarreb lejk il-fondi tal-UE

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Għalkemm Malta ilha tgawdi mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għal ħafna snin, ħafna għadhom isibuha diffiċli jifhmu kif jaħdmu l-fondi tal-Unjoni Ewropea u kif dak li jkun jista’ japplika għalihom.

Waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex uħud jaqtgħu qalbhom milli jidħlu għal proġetti bil-fondi tal-Unjoni Ewropea hija li ma jifhmux biżżejjed x’għandhom jagħmlu biex ikunu jafu b’dawn l-opportunitajiet u x’għandhom jagħmlu fil-proċess.

L-aġenzija tal-Gvern, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) qiegħda hemm proprju biex tagħmel il-fondi tal-Unjoni Ewropea iktar mifhuma u iktar aċċessibbli. Sa mis-sena l-oħra, meta l-aġenzija ngħatat il-missjoni ewlenija li tiffoka aktar fuq il-fondi tal-Unjoni Ewropea, SEM taqdi żewġ funzjonijiet ewlenin.

L-ewwel funzjoni hi li SEM tinforma lill-pubbliku, lill-organizzazzjonijiet u lill-individwi dwar l-opportunitajiet ta’ fondi disponibbli b’mod sempliċi. Barra minn hekk, infitttxu kif b’modi differenti, permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u attivitajiet varji nuru fiex jissarrfu l-fondi tal-Unjoni Ewropea b’mod tanġibbli u prattiku. Meta wieħed jara l-proġetti differenti li saru bil-fondi Ewropej matul is-snin jirrealizza aktar kemm sar progress f’pajjiżna u kemm tjiebet il-kwalità tal-ħajja.

Biex inwettqu dan b’mod effettiv, norganizzaw sessjonijiet ta’ informazzjoni, sessjonijiet ta’ taħriġ, nużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni, kemm dawk tradizzjonali u kemm dawk moderni, u ninfurmaw dwar sejħiet kurrenti għall-fondi permezz tal-website tagħna. Permezz ta’ dawn il-metodi, aħna nippruvaw infiehmu x’inhuma l-fondi tal-Unjoni Ewropea u kif jistgħu jintużaw b’mod prattiku.

Bħala SEM nemmnu bis-sħiħ fl-importanza li nżommu kuntatt dirett maċ-ċittadini b’attivitajiet li fihom niltaqgħu u nitkellmu man-nies li ġejjin minn ambjenti differenti u li għandhom bżonnijiet differenti skont l-istat tal-ħajja tagħhom.

It-tieni funzjoni ta’ SEM tmur lil hinn mill-informazzjoni. Nifhmu li individwi u organizzazzjonijiet isibuha diffiċli jagħmlu l-ewwel pass biex jiżviluppaw proġett li jkollhom f’moħħhom u li jkunu jixtiequ jwettqu u japplikaw għall-fondi. Bħala SEM ngħinu f’dan il-proċess, li għalkemm kultant ikun kumpless u diffiċli, nimxu pass pass ma’ dak li jkun biex nifhmu l-bżonn tal-klijent u nagħmluha iktar faċli sabiex il-fondi Ewropej ikunu aktar aċċessibbli . L-assistenza ta’ SEM ma tiqafx mal-applikazzjoni. Dawk li l-proġett tagħhom jingħata l-fondi, jista’ jsib l-għajnuna wkoll fil-fażi tal-implimentazzjoni ħalli kif għandu jkun itemm il-proġett jiġi implimentat sal-aħħar u mingħajr problemi.

Dawk li huma interessati jkunu infurmati dwar x’opportunitajiet jeżistu jistgħu jidħlu fis-sit elettroniku ta’ SEM sem.gov.mt u fil-paġna tal-kuntatti jimlew l-interess tagħhom, fl-oqsma li jagħżlu huma. B’hekk, meta jkun hemm opportunitajiet ta’ fondi ġodda, awtomatikament jiġu mgħarrfa b’mod elettroniku. Minn hemm ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk jibdewx il-proċess biex japplikaw għall-fondi u ngħinuhom jaslu.

Dawk li jixtiequ aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi tal-UE jew kif wieħed jista’ jakkwista l-fondi għal xi proġett partikolari, jistgħu tikkuntattjawna bl-email info.sem@gov.mt, jew bit-telefown 2779 7300. Wieħed jista’ wkoll jikkuntattjana permezz tas-sit elettroniku fondi.eu.