Servizzi Ewropej f’Malta u l-fondi Ewropej

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Matul dawn l-aħħar 19-il sena li Malta ilha parti mill-Unjoni Ewropea, kienu ħafna l-individwi, għaqdiet volontarji kif ukoll intrapriżi żgħar u medji, li bbenefikaw minn fondi Ewropej sabiex iwettqu proġetti żgħar li kellhom impatt pożittiv fuq il-gżejjer tagħna.

Minkejja r-riżorsi limitati tagħhom, u minkejja li l-proċess biex tibbenefika mill-fondi Ewropej mhuwiex dejjem sempliċi, il-fondi tal-Unjoni Ewropea jipprovdu finanzjament għal firxa wiesgħa ta’ proġetti li jkopru diversi oqsma fosthom l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp rurali u urban, l-ambjent, l-għajnuna umanitarja, l-agrikoltura u s-sajd, fost ħafna oħrajn.

Il-fondi Ewropej jippermettu lil intrapriżi żgħar li jinvestu f’tagħmir u makkinarju li jtejjeb il-kompetittività tan-negozji. Jippermettu li bdiewa u sajjieda jinvestu f’tagħmir essenzjali għall-għajxien tagħhom. Jippermettu sabiex organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f’oqsma differenti tas-soċjetà jwettqu proġetti essenzjali għall-komunità. Jippermettu sabiex kunsilli lokali u għaqdiet fil-komunità bħal tal-baned u taż-żgħażagħ, jinvestu fil-komunità tagħhom b’diversi modi. Mingħajr il-fondi Ewropej, ikun ħafna iktar diffiċli biex proġetti bħal dawn iseħħu.

Għaldaqstant, il-Gvern huwa kommess li jassigura li l-fondi Ewropej ikunu aċċessibbli għal kull individwu u organizzazzjoni, speċjalment dawk żgħar, billi jagħmel il-proċess aktar sempliċi, sakemm hu possibbli.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tagħmel proprju dan. SEM hija aġenzija tal-gvern li tiffaċilita l-proċess tal-applikazzjoni għall-fondi Ewropej. Fi kliem ieħor, nagħmluha iktar faċli biex organizzazzjonijiet u individwi japplikaw għall-fondi Ewropej u jwettqu proġetti għall-ġid tas-soċjetà.

SEM toffri servizz personalizzat u ħolistiku bla ħlas, mill-bidu sal-aħħar. Dan nagħmluh billi ngħinu lill-klijenti tagħna jesploraw possibiltajiet ta’ finanzjament ta’ proġetti, skont programmi differenti ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, u nassistuhom fl-iżvilupp tal-proġett u fil-mili tal-applikazzjoni.

Ma niqfux hemm, imma ngħinu wkoll fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġetti li jkunu ħadu l-fondi. Peress li l-fondi Ewropej huma fondi pubbliċi, ikun meħtieġ jiġu segwiti regolamenti marbuta mal-infiq tal-flus biex tiġi mħarsa l-kontabilità u l-governanza tajba fil-proċess kollu.

Matul is-snin, SEM għenet ħafna individwi u entitajiet biex japplikaw u jiksbu fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom. Biex insemmu ftit, l-Aġenzija għenet diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jibbenefikaw minn fondi għal proġetti fil-komunità li jaħdmu fiha bħall-inklużjoni soċjali, l-isports, l-arti u l-kultura. SEM għenet ukoll diversi kunsilli lokali f’Malta u Għawdex biex iwettqu proġetti b’risq il-komunità bħal riġenerazzjoni ta’ ġonna u playgrounds, ġemellaġġi u ħafna proġetti oħra. SEM għenet ukoll diversi każini tal-banda u għaqdiet kulturali biex isaħħu l-kultura tal-lokal u jtejbu l-faċilitajiet tagħhom. L-Aġenzija għenet ukoll diversi skejjel, studenti u għalliema biex jagħmlu taħriġ barra minn Malta u anke biex iwettqu proġetti ta’ skambji li jġibu flimkien persuni minn pajjiżi differenti. SEM għenet ukoll sabiex individwi li jaħdmu għal rashom jinvestu f’makkinarju għall-intrapriża tagħhom, filwaqt li assistiet lil diversi bdiewa jibbenefikaw minn fondi għall-ħitan tas-sejjieħ.

Minbarra li nassistu bl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jibbenefikaw mill-fondi Ewropej, parti importani mix-xogħol tal-Aġenzija SEM hija li tinforma lill-pubbliku dwar l-opportunitajiet ta’ fondi disponibbli, u xi jsir madwar il-ġżejjer tagħna permezz ta’ dawn il-fondi. Sabiex inżommu lill-pubbliku infurmat, l-Aġenzija torganizza diversi sessjonijiet ta’ informazzjoni, filwaqt li tuża mezzi tal-kommunikazzjoni bħall-midja soċjali u programmi televiżivi u tar-radju biex tilħaq udjenza iktar wiesgħa. Minbarra hekk, matul is-sena jiġu organizzati kompetizzjonijiet jew avvenimenti miftuħa għall-pubbliku marbuta ma’ kif intużaw il-fondi Ewropej f’Malta. Jiġu organizzati wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ għall-individwi li huma interessati jitgħallmu aktar dwar il-proċessi tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti.

Jekk inti interessat/a fl-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej, imma ma tafx minn fejn tibda, SEM tista’ tgħinek. Għal iktar informazzjoni u assistenza, il-kuntatti ta’ SEM huma info.sem@gov.mt, 2779 7300, jew is-sit elettroniku sem.gov.mt.