Il-Fondi Ewropej minn wara l-kwinti

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Matul is-snin, il-proġetti b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea taw kontribut kbir fl-iżvilupp soċjali, ambjentali u ekonomiku f’ħafna aspetti.

Numru kbir ta’ organizzazzjonijiet volontarji, intrapriżi, individwi li jaħdmu għal rashom, skejjel u entitajiet tal-gvern ibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea biex jikbru huma, isiru aktar kompetittivi u jibdlu lil pajjiżna u l-ħajja taċ-ċittadini u l-komunitajiet għall-aħjar.

Il-fondi tal-Unjoni Ewropea jappoġġjaw firxa wiesgħa ta’ proġetti taħt numru kbir ta’ programmi ta’ fondi, li jvarjaw mill-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja għas-saħħa, mill-immaniġġjar tal-iskart u l-ilma għall-ħarsien tal-patrimonju storiku u kulturali, biex insemmu ftit eżempji.

L-għan aħħari ta’ dawn il-fondi hu li titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, waqt li jinħoloq l-ambjent adatt għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi b’mod sostenibbli.

Wara t-twettiq ta’ proġetti b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea hemm proċessi metikolużi u rigorużi ta’ ppjanar, kontrolli u ta’ rappurtaġġ biex ikun żgurat li l-fondi tal-Unjoni Ewropea jilħqu l-għanijiet li għalihom jingħataw u jindirizzaw il-bżonnijiet li għalihom ikunu investiti. Dawn il-proċessi mhux faċli għal min ikun involut fihom, imma fl-aħħar mill-aħħar irid ikun żgurat li l-fondi jintużaw bl-aħjar mod għall-benefiċċju ta’ dawk li jgawdu minnhom direttament u indirettament.

Fejn tidħol il-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni Ewropea lokalment, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-programmi ta’ fondi differenti jfasslu it-termini u l-kundizzjonijiet għad-diversi opportunitajiet ta’ fondi skont regolamenti stabbiliti. Dawn l-awtoritajiet jgħassu wkoll fuq l-implimentazzjoni ta’ kull proġett li jakkwista l-fondi biex jassiguraw li jimxu mar-regoli u r-regolamenti miftiehma. Dan il-proċess jinvolvi kontrolli rigorużi tad-dokumentazzjoni marbuta max-xiri pubbliku, li jinżammu d-dati maqbula fl-implimentazzjoni tal-proġett u li jitwettqu l-elementi kollha tal-proġett.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tiffaċilita l-aċċess għal inizjattivi finanzjati mill-Unjoni Ewropea billi twassal l-informazzjoni marbuta ma’ opportunitajiet ta’ finanzjament u dwar kif individwi, organizzazzjonijiet u l-pajjiż jistgħu jibbenefikaw minnhom. Matul is-sena jiġu organizzati wkoll sessjonijiet ta’ informazzjoni u taħriġ dwar programmi u sejħiet għall-applikazzjoni għal proġetti b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea.

SEM tassisti wkoll fl-iżvilupp ta’ proġetti li jkunu se japplikaw għall-fondi biex dawn ikunu kemm jista’ jkun kompetittivi u jindirizzaw l-oġġettivi li għalihom jingħataw il-fondi. L-assistenza li tingħata hi personalizzata u tinvolvi wkoll tweġibiet għal mistoqsijiet u diffikultajiet dwar fondi differenti. Numru kbir ta’ individwi u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet jattendu għal sessjonijiet ta’ taħriġ dwar il-proċessi involuti fl-applikazzjoni għall-fondi tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jkunu ħadu l-fondi. B’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ irregolaritajiet u użu ħażin tal-fondi.

It-twettiq ta’ proġetti b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea jibda bl-ewwel pass. Għal iktar informazzjoni jew assistenza, SEM tista’ tiġi kkuntattjata fuq 2779 7300, info.sem@gov.mt jew mill-website sem.gov.mt.