Il-COP27, l-Unjoni Ewropea u t-tibdil fil-klima

Artiklu miktub minn Michela Meli – Uffiċjal għall-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Bejn is-6 u t-18 ta’ Novembru, f’Sharm el-Sheikh fl-Eġittu qiegħda ssir konferenza dinjija organizzata min-Nazzjonijiet Magħquda. Din il-konferenza ilha ssir kull sena sa mill-1995 biex tlaqqa’ l-198 mexxejja tal-pajjiżi msieħba fin-Nazzjonijiet Magħquda li fl-1994 kienu ffirmaw il-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima. Għalhekk tissejjaħ il-Konferenza tal-Partijiet – COP – li din is-sena hija s-27 edizzjoni tagħha. L-Unjoni Ewropea hija sieħeb strateġiku f’din il-Konferenza għaliex hija fuq quddiem fl-azzjonijiet biex tindirizza t-tibdil fil-klima.

Fin-negozjati tal-COP27 dwar il-klima, l-Unjoni Ewropea ser tkompli taħdem għal aktar ambizzjoni u azzjoni biex tindirizza l-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima u treġġa’ lura għall-bilanċ fin-natura. Fost l-oħrajn, il-miri huma li jintemmu s-sussidji ineffiċjenti għall-fjuwils fossili, jitnaqqas gradwalment l-użu tal-faħam u l-emissjonijiet tal-gass metanu u tas-CO2, u li jintlaħqu l-miri tal-ftehim ta’ Pariġi.

F’Pariġi, waqt il-COP21, fl-2015, il-partijiet kienu ftiehmu dwar trattat internazzjonali li jorbot lill-196 pajjiż li ffirmah, li jitnaqqas it-tisħin tad-dinja b’inqas minn żewġ gradi celsius, meta mqabbel mal-livelli preindustrijali.

Għalkemm qegħdin jittieħdu azzjonijiet, kemm mill-Unjoni Ewropea u kemm minn ħafna pajjiżi, il-ħsara u t-telf li numru ta’ pajjiżi qegħdin jesperjenzaw minħabba t-tibdil fil-klima huma reali u tanġibbli. Fil-fatt, is-snin 2010-2019 kienu l-aktar sħan li qatt ġew reġistrati. Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha tagħha ffirmaw u rratifikaw il-Ftehim ta' Pariġi u huma impenjati bis-sħiħ għall-implimentazzjoni tiegħu, bil-għan li t-tisħin globali jinżamm fil-livelli miftiehma.

Skont dan l-impenn, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qablu li jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Dan l-impenn ittieħed fl-2019, meta l-mexxejja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea approvaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li l-għan tiegħu hu li sal-2050 ma jibqgħux jintefgħu fl-atmosfera gassijiet b’effett serra, iktar milli jiġu kontrollati. Dawn il-gassijiet jinkludu d-dħaħen tas-CO2, il-metanu u l-gassijiet li jintużaw għall-apparat tal-arja kundizzjonata u r-refriġerazzjoni.

Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, f’Lulju 2021, l-Unjoni Ewropea ħarġet b’sett ta’ proposti, bit-titlu ‘Lesti għall-mira ta' 55%’. Is-sett ta’ proposti ta’ liġijiet li japplikaw fl-Unjoni Ewropea jimmira li t-tnaqqis nett tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jkun ta’ mill-inqas 55% sal-2030, biex b’hekk tkun tista’ tintlaħaq il-mira ta’ 100% stabbilita għall-2050.

Fost il-proposti, insibu dik relatata mar-reviżjoni tar-regoli dwar l-emissjonijiet tad-dħaħen tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet. Il-proposta tintroduċi miri ogħla ta' tnaqqis ta’ 55% sal-2030 għal karozzi ġodda u 50% sal-2030 għal vannijiet ġodda u tistabbilixxi mira ġdida ta' 100% sal-2035 għal vetturi kollha. Fil-prattika dan ifisser li mill-2035 mhux ser ikun aktar possibbli li karozzi jew vannijiet ġodda b'magna tal-kombustjoni interna jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni Ewropea.

L-istandards aktar stretti dwar is-CO2 proposti għall-karozzi u l-vannijiet għandhom l-għan li jwasslu biex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-Unjoni Ewropea u fl-istess ħin jistimulaw l-innovazzjoni teknoloġika fis-settur.

Biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Unjoni Ewropea qiegħda talloka mat-triljun ewro f’investimenti sostenibbli fis-snin li ġejjin. Biżżejjed ngħidu li 30% tal-baġit tal-Unjoni għas-snin 2021-2027 u tal-programm ta’ rkupru mill-pandemija – NextGenerationEU – huma allokati għal investimenti ekoloġiċi.

Malta wkoll se tieħu minn dawn il-fondi biex isiru proġetti li jindirizzaw il-miri tal-klima, fosthom €170 miljun mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u €23 miljun mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

Dawn il-fondi se jintużaw fost l-oħrajn biex bini pubbliku jkun iktar favur il-klima, għal xiri ta’ vetturi elettriċi tat-trasport pubbliku, bini ta’ mollijiet li joffru alternattiva fit-trasport, immodernizzar tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart u sistemi fil-Port il-Kbir u l-Freeport li jaqtgħu t-tniġġis mill-vapuri fil-portijiet.

Dawn l-azzjonijiet juru b'mod ċar l-impenn tal-Unjoni Ewropea biex tilħaq l-għanijiet tagħha favur il-klima. M’għandniex xi ngħidu, biex il-miri jintlaħqu jrid isir sforz minn kulħadd.